National Teams
MALTA KKASTIGATA MID-DANIMARKA FL-EWWEL LOGĦBA TAL-KWALIFIKI TAT-TAZZA TAD-DINJA TAL-FUTSAL
Published: 08-04-2026 21:13
FIFA FUTSAL WORLD CUP QUALIFIERS - PRELIMINARY ROUND
08.04.2026
Park Vendia Hallen, Hjorring, Danimarka
MALTA...1
DANIMARKA...5
Malta kellha partita diffiċli kontra t-team qawwi tad-Danimarka, fejn sofriet telfa ta’ 5-1 hekk kif ġiet ikkastigata għal żbalji difensivi iżda xorta waħda kien hemm punti pożittivi għat-team Malti.
Din kienet l-ewwel partita tat-team immexxi minn Roberto Menichelli fil-kwalifikazzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja talFutsal, fil-kompetizzjoni li qed tintlagħab f’Hjorring, fid-Danimarka.
Malta bdiet il-partita b’mod diffiċli, hekk kif id-Danimarka imponew ruħhom immedjatament. Wara li laqtu l-lasta, id-Daniżi fetħu l-iskor minn William Gantzhorn wara erba’ minuti u sitt sekondi, meta kien l-aktar pront fir-reazzjoni fil-kaxxa.
Ftit aktar minn żewġ minuti wara, Emil Rasmussen irdoppja l-vantaġġ tad-Danimarka b’konklużjoni preċiża wara azzjoni offensiva veloċi, fejn sfrutta spazju fid-difiża Maltija.
Id-Danimarka komplew jagħmlu pressjoni bla waqfien, u giegħlu lill-goalkeeper Malti, Clint Mifsud, jagħmel diversi saves importanti biex żamm l-iskor milli jiżdied aktar fl-istadji bikrija tal-logħba.
Il-Maltin bdew jidħlu aktar fil-logħba gradwalment, u ħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor. Maikinho kien partikolarment influwenti, fejn ittestja lid-difiża Daniża bil-moviment u l-kreattività tiegħu, u kien viċin li jiskorja f’diversi okkażjonijiet, inkluż xutt li laqat il-lasta.
Madankollu, proprju meta l-Maltin kienu qed jiskbu l-momentum, id-Daniżi skorjaw it-tielet goal tagħhom hekk kif Rasmussen skorja wkoll it-tieni goal tiegħu fid-19-il minuta u 22 sekonda. Minuta wara, , Oliver Borsting żied ir-raba’ wieħed wara azzjoni sabiħa assistita minn Johansson, u ħalla lil Malta b’kompitu diffiċli qabel il-mistrieħ.
Minkejja din id-daqqa, il-Maltin urew karattru u wieġbu b’mod pożittiv wara l-mistrieħ. Il-perseveranza tagħhom ġiet ippremjata fil-25 minuta meta ż-żagħżugħ Nathan Cope naqqas id-distakk. L-attakkant ikkonkluda mill-assist ta’ Marwan Telisi.
Il-Maltin komplew jippressaw u kellhom perjodu aħjar fil-pussess tal-ballun filwaqt li ħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor. Tentattivi minn Michael Borg, Marwan Telisi u Nathan Cope kollha ttestjaw lid-difiża Daniża, filwaqt li Giancarlo Sammut kien ferm viċin li jiskorja wara xutt li laqat il-lasta.
Fuq in-naħa l-oħra tal-ground, is-sostitut goalkeeper, Ryan Marmara, ġie msejjaħ fl-azzjoni u għamel diversi saves biex iwaqqaf aktar tentattivi Daniżi.
Madankollu, id-Danimarka baqgħu perikolużi fil-kontra-attakki u komplew joħolqu bosta okkażjonijiet. Il-ħames goal tagħhom wasal fit-33 minuta meta Zakaria El-Ouaz sab ix-xibka, u b’hekk prattikament għalaq il-partita u temm prestazzjoni klinika mill-viżitaturi.
Fl-aħħar minuti, il-Maltin komplew jissieltu biex inaqqsu l-iskor iżda bejn l-okkażjonijiet falluti u d-difiża soda tad-Danimarka, l-iskor baqa’ ma nbidilx.
Għalkemm ir-riżultat huwa diżappuntanti, Malta tista’ tieħu xi punti pożittivi mill-fażijiet offensivi tagħha u r-reżiljenza wara bidu diffiċli. L-attenzjoni issa ddur għall-partita li jmiss, skedata għal nhar il-Ħamis 9 ta’ April fit-3.30 pm kontra Andorra, fejn Malta se tkun qed tfittex li terġa’ prestazzjoni aktar b’saħħitha u kompleta.
Malta
Mifsud (C), G. Sammut, Maikinho, Telisi, Cope, Marmara (GK), C. Alves, M. Borg, Baldacchino, Buhagiar, Cachia, Gatt, Schembri, C. Sammut
Danimarka
Rams (GK), Youssef, El-Ouaz, Badran, Mushtak. Fuchs-Christiansen (GK), Kristensen, Kasumovic, Johansson, Rasmussen, Børsting, Falck (C), Gantzhorn, Jægergaard
Referees: George Jansizian (Sweden), Ayberg Öz (Türkiye), Hakan Tezcan (Türkiye)
Timekeeper: Magnus Tvilling Rasmussen (Denmark)
Written by Robert Busuttil