General
UFFIĊJALI TAL-MALTA FA MAĦTURA FIL-KUMITATI PERMANENTI TAL-FIFA 2025-29
Published: 06-10-2025 14:58
Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, u l-Viċi-President Dr Matthew Paris, ġew offruti rwoli ġodda fil-Kumitati Permanenti li għadhom kif inħolqu milll-FIFA.
Matul it-33 laqgħa tal-Kunsill tal-FIFA li saret fi Zurich, nhar il-Ħamis 2 ta’ Ottubru, 2025, li kopriet sensiela ta’ suġġetti, inkluż il-governanza u l-kompetizzjonijiet tal-football, il-Kunsill tal-FIFA nnomina liż-żewġ uffiċjali tal-MFA għal żewġ karigi prestiġjużi.
Il-President Vassallo nħatar biex iservi bħala Viċi-President tal-Affarijiet Istituzzjonali tal-FIFA. Dan huwa pass importanti ieħor għall-ogħla persuna tal-Assoċjazzjoni Maltija, wara kisbiet oħra ta’ status għoli kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak dinji. L-għarfien professjonali ta’ Vassallo fil-qasam tal-governanza, l-interazzjoni istituzzjonali u l-impenn strateġiku kien kruċjali biex jiġi fdat b’din il-pożizzjoni importanti.

Il-Viċi President Dr Paris inħatar bħala Membru tal-Kumitat tal-Futsal, dixxiplina li jmexxi wkoll fi ħdan l-istruttura tal-MFA u huwa meqjus bħala espert f’dan l-isport li qed jikber.

Il-ħatriet ġew iffinalizzati wara proċess ta’ konsultazzjoni bir-reqqa li involva l-Assoċjazzjonijiet Membri u l-Konfederazzjonijiet tal-FIFA. Il-Kumitati Permanenti l-ġodda se jkopru l-perjodu mill-2025 sal-2029.
Il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, faħħar lill-uffiċjali magħżula fil-Kumitati Permanenti l-ġodda, fejn stqarr li dawn se jippermettu kompetenza teknika aktar iffokata f’diversi oqsma rilevanti għall-football. “Fi kliem ieħor, il-FIFA se tkun mgħammra aħjar biex tiffaċċja l-futur,” huwa żied.