General

IL-PROĠETT ‘BALLUN CROSSBARS’ JISSAĦĦAĦ PERMEZZ TA’ FTEHIM BEJN IL-MALTA FU U KOMUNITÁ MALTA

Published: 19-03-2026 15:08
PR260446a.jpeg
This article is also available in English.

Ġie ffirmat ftehim bejn Komunità Malta u l-Malta FA, li permezz tiegħu ġie msaħħaħ il-proġett ‘Ballun Crossbars’. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jikkontribwixxi għar-riabilitazzjoni tal-individwi u għall-benesseri mentali permezz tal-isport.

L-iffirmar ta’ dan il-ftehim jissarraf fi programm sportiv imsaħħaħ għal individwi taħt il-kura tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, l-Aġenzija għas-Servizzi tad-Detenzjoni, u l-Aġenzija għall-Benesseri ta’ Dawk li jfittxu l-Ażil (AWAS).

Il-Ministru, Byron Camilleri, iddeskriva dan il-ftehim bħala evidenza ċara tax-xogħol u l-impenn li qed jagħmel il-Gvern biex jiżgura li dawn l-individwi verament jirċievu l-attenzjoni meħtieġa għar-riabilitazzjoni tagħhom.

Dawn il-programmi sportivi jinkludu taħriġ tal-football, sessjonijiet ta’ taħriġ fiżiku, programmi ta’ żvilupp personali u litteriżmu, kif ukoll taħditiet motivazzjonali, bil-għan li jippromwovu d-dixxiplina, ir-responsabbiltà u l-integrazzjoni soċjali.

Il-Ministru saħaq li l-isport għandu element uniku li jgħaqqad, itejjeb kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali, u jippromwovi l-inklużjoni, u għalhekk jitqies bħala investiment soċjali lejn individwi aktar b’saħħithom.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Malta FA, Bjorn Vassallo, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Assoċjazzjoni hija parti minn dan il-proġett, li jkompli jsaħħaħ l-elementi tal-edukazzjoni, l-isport u l-aspett soċjali fi ħdan il-faċilitajiet ta’ detenzjoni. Huwa spjega li l-Malta FA se tkompli toffri dan it-taħriġ permezz ta’ coaches speċjalizzati, filwaqt li tespandi wkoll is-servizz biex tilħaq aktar membri tas-soċjetà u tikkontribwixxi għal riabilitazzjoni effettiva.

Huwa enfasizza wkoll l-importanza li individwi detenuti jingħataw l-opportunità jiżviluppaw u jikbru f’ambjent pożittiv u b’saħħtu bħala parti mill-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà.

Il-ftehim ikopri perjodu ta’ tliet snin u jinkludi servizzi ta’ taħriġ, il-ko-ordinazzjoni tagħhom, u r-riżorsi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-programm jitwettaq b’mod effettiv u sostenibbli.