

It-tlugħ tal-poloz għall-ewwel u t-tieni Rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-UEFA 2025/26 sar nhar it-Tlieta, 17 ta’ Ġunju u l-Erbgħa 18 ta’ Ġunju, rispettivament fil-kwartieri ġenerali tal-UEFA, f’Nyon, l-Isvizzera.
Tlugħ tal-Poloz tal-Ewwel Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni
Hamrun Spartans FC, iċ-champions tal-360Sports Malta Premier, kienu fil-poloz tal-UEFA Champions League.
Fl-Ewwel Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni, Hamrun ġew imtellgħin kontra t-team Litwan, FK Zalgiris.
Il-logħbiet jintlagħbu fuq żewġ legs fit-8/9 ta’ Lulju u fil-15/16 ta’ Lulju 2025. Id-dati eżatti tal-logħbiet u l-ħinijiet jitħabbru mill-UEFA sal-20 ta’ Ġunju 2025.

Fil-UEFA Conference League, Floriana FC u Birkirkara FC ġew ikklassifikati fl-Ewwel Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni wara l-klassifikazzjoni tagħhom fil-kampjonat matul l-istaġun.
Fit-tlugħ tal-poloz, Floriana ġew imtellgħin kontra t-team minn Wales ta’ Haverfordwest County AFC, filwaqt li Birkirkara se jiltaqgħu t-team mill-Moldova, FC Petrocub.

Il-logħbiet fuq żewġ legs se jintlagħbu fl-10 u s-17 ta’ Lulju 2025.
Simili għall-logħbiet tal-UEFA Champions League, id-dati u l-ħinijiet tal-logħbiet tal-UEFA Conference League se jitħabbru mill-UEFA sal-20 ta’ Ġunju 2025.

Tlugħ tat-Tieni Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni
It-tlugħ tat-Tieni Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League sar nhar l-Erbgħa, b’Hamrun iżommu għajnejhom miftuħa għall-avversarji potenzjali tagħhom jekk jegħlbu lill-avversarji Litwani tagħhom.
Ir-rebbieħ bejn Ħamrun u FK Zalgiris se jiffaċċja lit-team Ukren, Dynamo Kyiv. Il-partiti se jintlagħbu fit-22/23 u fid-29/30 ta’ Lulju 2025. It-team tellief jiġi relegat għall-UEFA Conference League, u se jiffaċċja lit-team tellief bejn Shelbourne FC (Irlanda) u Linfield FC (Irlanda ta’ Fuq).
Hibernians FC, li daħlu fil-UEFA Conference League minħabba li rebħu l-Meridianbet FA Trophy l-istaġun li għadda, se jgħaddu direttament għat-Tieni Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni.
Hibernians telgħu kontra r-rebbieħ bejn Spartak Trnava mis-Slovakkja u BK Hacken tal-Isvezja.
Minn naħa l-oħra, jekk Birkirkara jeliminaw lil Petrocub, se jaffaċċjaw lil Sabah FC (AZE) jew FK Celje (SVN). Jekk Floriana jirnexxilhom jaqilgħu lil Haverfordwest, se jiġu kontra FC Ballkani tal-Kosovo.