National Teams
Malta takkwista l-ewwel punt fir round ta' kwalifikazzjoni f'logħba missielta kontra l-Litwanja
Published: 07-06-2025 20:17





FIFA WORLD CUP 2026
EUROPEAN QUALIFIERS GROUP G
07.06.2025, Stadium Nazzjonali, Ta’ Qali
MALTA…0
LITHUANIA…0
Malta spiċċat fi draw ta’ mingħajr goals kontra l-Litwanja, biex kisbet l-ewwel punt tagħha f’din il-kampanja tat-Tazza tad-Dinja. Kien punt mistħoqq f’logħba tipika ta’ żewġ taqsimiet. Filwaqt li l-ewwel 45 minuta kienu ddominati mill-viżitaturi, il-Maltin immaturaw fit-tieni taqsima u b’aktar fortuna setgħu skorjaw il-goal rebbieħ. Madankollu, il-Litwanja wkoll kellhom l-mumenti tagħhom, billi laqtu l-lasta fil-bidu tat-tieni taqsima.
Għaxra mill-11-il player ewlenin għal Malta kienu fl-istess formazzjoni tal-logħba barra minn darna fit-telfa ta’ 2-0 kontra l-Polonja, f’Marzu li għadda, bir-ritorn ta’ Jodi Jones jimla n-nuqqas ta’ Ilyas Chouaref li kien sospiż. Il-winger ta’ Notts County deher għall-aħħar darba bil-kuluri ta’ Malta fil-logħba barra minn xtutna kontra l-Ingilterra f’Wembley, f’Novembru 2023. L-attakkant ta’ Valletta ta’ 18-il sena, Keyon Ewurum, għamel id-debutt tiegħu għal Malta hekk kif daħal tard fil-partita.
L-aktar player f’din il-logħba li lagħab għal Malta kien Zach Muscat b’73 dehriet filwaqt li Matthew Guillaumier mexxa lil Malta għall-15-il darba fil-karriera tiegħu.
Il-Litwanja, li lagħbu l-aħħar darba kontra tagħhom, f’Ottubru 2017, f’logħba oħra ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja f’pajjiżna (1-1), kisbu draw ta’ 2-2 f’darhom kontra l-Finlandja, f’Marzu li għadda, wara li l-ewwel partita ta’ dan ir-round ta’ kwalifikazzjoni kienet it-telfa ta’ 1-0 kontra l-Polonja.
Il-partita bdiet fuq nota kwieta, bis-sħana qawwija ta’ 31 grad Celsius żgur li ma għenitx lill-ebda naħa. Gvidas Gineitis, li jilgħab regolarment ma’ Torino fis-Serie A u għalhekk forsi l-aktar player magħruf tal-Litwanja, indirizza l-ewwel xutt tal-logħba lejn il-lasta Maltija fit-12-il minuta, iżda falla l-mira biex ma tantx inkwieta lil Henry Bonello li kien qed jilgħab il-65 logħba tiegħu ma’ Malta.
It-team ospitu ħalla l-inizjattiva f’idejn il-Litwanja, li madankollu rarament kienu perikolużi bid-difensuri ċentrali, James Carragher u Enrico Pepe, jikkontrollaw sew lill-attakkanti Litwani.
Fis-36 minuta, il-viżitaturi resqu viċin meta xutt ta’ Gytis Paulauskas minn tarf il-kaxxa falla l-mira bi ftit wara xogħol tajjeb bejn Vykintas Slivka u Gineitis. Żewġ minuti wara, tentattiv ta’ Ginetis minn attakk ieħor tal-Litwanja rriżulta f’save faċli għal Bonello.
Fit-43 minuta, wasal l-ewwel attakk Malti meta Zach Muscat sab lil Joseph Mbong fuq in-naħa tax-xellug iżda x-xutt tiegħu spiċċa barra.
Iżda l-ewwel taqsima kienet pjuttost kwieta bil-Litwani jkollhom aktar mill-pussess tal-ballun filwaqt li l-Maltin sabuha diffiċli biex jibdu l-attakki.
Seba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, minuta biss wara li Joseph Mbong ma sab lil ħadd minn sħabu biex setgħu jagħmlu xi forma ta’ ħsara, il-winger xellugi, Artur Dolznikov, ġie mċaħħad mill-mimduda b’xutt angolat u b’Bonello megħlub għal kollox.
Iżda Malta wriet aktar kuraġġ wara l-mistrieħ b’Jones jixħet lejn Muscat fil-55 minuta bil-goalkeeper Litwan li jilgħab fir-Rumanija, Edvinas Gertmonas, jinterċetta qabel ma Paul Mbong seta’ jikkonnettja.
Sitt minuti wara, Guillaumier sab lil Joseph Mbong li serva lil ħuh Paul, u fajjar xutt mid-distanza li ġie mdawwar f’corner minn Gertmonas. Mill-istess corner, Teddy Teuma għadda lejn Joseph Mbong li krossja fil-kaxxa ż-żgħira b’Alex Satariano jkun ftit ċentimetri bogħod biex seta’ jikkonnettja.
Dawn l-opportunitajiet kienu jfissru li l-Maltin bdew jimmaturaw u jirbħu l-inizjattiva b’mod gradwali. Fil-65 minuta, xutt qawwi ta’ Camenzuli minn 20 metru bogħod spiċċa barra, bil-viżitaturi jiġu mġiegħla jirtiraw lura għal ħinijiet twal.
Fit-83 minuta, Teuma tilef il-pussess tal-ballun f’nofs il-ground bil-viżitaturi jibnu kontrattakk iżda x-xutt ta’ Romualdas Jansonas ġie mblukkat minn Bonello. Ftit mumenti wara, fuq in-naħa l-oħra, id-debuttant player ta’ Valletta, Ewurum, avvanza fuq ix-xellug u għadda lejn Satariano li t-tentattiv tiegħu għadda ftit barra.
Fl-aħħar minuti, il-Maltin żiedu l-pressjoni fit-tentattiv li jfittxu l-goal tar-rebħa, bil-Litwani jirtiraw lura fid-difiża.
Fit-tieni minuta tal-ħin miżjud, il-Maltin appellaw għal penalty meta l-ballun ħabat ma’ id difensur Litwan iżda ġustament ir-referee ħalla l-logħob għaddej.
Madankollu, il-Maltin ma rnexxilhomx isibu t-triq lejn il-lasti avversarji biex iż-żewġ naħat kellhom jikkuntentaw bi draw.
Issa, it-team nazzjonali se jivvjaġġa ‘l bogħod minn xtutna biex jiffaċċja lill-Olanda nhar it-Tlieta li ġej, fid-8.45 pm, għar-raba’ logħba ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2026, fil-Euro Borg Stadium, fi Groningen.
Malta
Henry Bonello, Zach Muscat (Juan Corbalan 85), Enrico Pepe, James Carragher, Ryan Camenzuli, Matthew Guillaumier, Joseph Mbong (Kyrian Nwoko 81), Teddy Teuma, Alex Satariano, Paul Mbong (Basil Tuma 73), Jodi Jones (Keyon Ewurum 81).
Coach: Emilio De Leo
Litwanja
Edvinas Gertmonas, Klaudijus Upstas (Paulius Golubickas 46, Deividad Sesplaukis 73), Kipras Kazukolovas, Edgardas Utkus, Artemijus Tutyskinas, Justas Lasickas, Modestas Vorobjovas (Gratas Sirgedas 70), Gvidas Gineitis, Vykintas Slivka (Romualdas Jansonas 81), Artur Dolznikov (Fedor Cernych 70), Gytis Paulauskas.
Coach: Edgardas Jankauskas
Referee: Marian Barbu (Romania)
Karti Sofor: P. Mbong, Camenzuli, Guillaumier (M), Kazukolovas, Tutiskynas (L)