National Teams
Malta U21 tikseb l-ewwel rebħa fil-partita ta' ħbiberija kontra San Marino
Published: 04-06-2025 20:29







Under-21 International Friendly
04.06.2025, Stadio Ezio Conti Dogana, San Marino
SAN MARINO...0
MALTA...1
(HT 0-0)
71’ Kean Scicluna (MLT)
It-team nazzjonali Malti Ta’ il-21 sena rreġistra rebħa fl-ewwel minn żewġ logħbiet ta’ ħbiberija internazzjonali barra minn xtutna kontra San Marino, wara wirja kunfidenti u offensiva fi Stadio Ezio Conti, f’Dogana.
Il-Maltin kellhom bidu tajjeb hekk kif bdew jaqsmu bosta passes bejniethom. L-ewwel xutt tal-logħba wasal minn Andy Borg, li ttanta xortih mid-distanza, iżda t-tentattiv tiegħu ġie salvat faċilment minn Fabio Borasco.
Fis-16-il minuta, il-Maltin ngħataw free-kick iżda x-xutt ta’ Nicholas Agius minn pożizzjoni angolata, għadda minn fuq il-lasta.
Ftit minuti biss wara, Malta rebħet free-kick ieħor. Joshua Pitts ingħata r-responsabbiltá tiegħu bix-xutt tiegħu jiġi mdawwar minn Borasco. Mill-corner li rriżulta, Agius sab l-ispazju iżda x-xutt tiegħu ġie salvat mill-goalkeeper ta’ San Marino.
L-ewwel theddida ta’ San Marino waslet f’nofs l-ewwel taqsima, hekk kif minn azzjoni ta’ corner, mogħti minn Marco Gasperoni, id-daqqa ta’ ras ta’ Diego Zavoli spiċċat għoli.
Malta kompliet iżżid il-pressjoni fuq id-difiża ta’ San Marino li kellhom jirtiraw lura. It-team immexxi mill-coach, Davide Mazzotta, kien ta’ theddida kontinwa għad-difiża ta’ San Marino, iżda ma setax isib it-triq lejn ix-xibka.
Fl-aħħar stadji tal-ewwel taqsima, San Marino ingħataw free-kick f’tarf tal-kaxxa. Gabriel Capicchioni avvanza, u x-xutt tiegħu laqat il-lasta wara li ġie mxellef mill-goalkeeper, Hugo Sacco.
Fl-44 minuta, Malta kellha opportunità kbira biex tiftaħ l-iskor hekk kif Joshua Pitts ingħata l-ballun fid-difiża ta’ San Marino, iżda x-xutt tiegħu ġie salvat tajjeb minn Borasco, u b’hekk iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu fi draw ta’ mingħajr goals.
Mal-bidu tat-tieni taqsima, il-Maltin żiedu r-ritmu u ftit minuti biss wara, il-free-kick ta’ Pitts sab lil Nathan Cross, iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet dgħajfa u ġiet salvata faċilment mill-goalkeeper ta’ San Marino.
Wara pressjoni kontinwa, fil-71 minuta, id-difiża ta’ San Marino ċediet hekk kif il-Maltin fetħu l-iskor. Kross eċċellenti mill-faxxa laterali leminija sab lil Kean Scicluna, li wara li daħal ftit sekondi qabel, sammar il-ballun fix-xibka.

Wara dan il-goal, Malti kompliet bil-momentum tagħha fit-tfittxija għat-tieni goal, u fis-76 minuta, il-players tagħna resqu qrib li jagħmlu dan, wara li Isaiah Chukunyere ħarab fuq il-lemin iżda l-kross tiegħu ma sab lil ħadd minn sħabu.
Fit-84 minuta, Sven Xerri u Zak Barbara kkumbinaw tajjeb bejniethom qabel ma d-difensur Malti evita lill-avversarju dirett tiegħu iżda x-xutt tiegħu spiċċa barra.
Fit-89 minuta, minn throw-in ta’ San Marino, il-Maltin ħarbu b’kontrattakk fejn Gunner Elliott xeħet fuq Chukunyere, li avvanza iżda minn qagħda angolata falla l-mira.
Minkejja l-isforzi ta’ San Marino biex iġibu l-iskor indaqs, Malta żammet il-vantaġġ sas-suffara finali.
Iż-żewġ naħat se jerġgħu jiltaqgħu, nhar is-Sibt 7 ta’ Ġunju 2025, fil-Campo do Acquaviva, fis-6.00pm.
San Marino
1 Fabio Borasco (GK), 3 Simone Gasperoni (4 Enea Della Balda 61’), 5 Riccardo Zafferani, 6 Diego Zavoli (21 Alberto Guerro 61’), 8 Marco Casadei, 9 Gabriel Capicchioni (18 Nicholas Protti 74’), 10 Marco Gasperoni (C) (20 Federico Ciacci 82’), 13 Nicolo Chiaruzzi (23 Simone Tamagnini 74’), 14 Tommy Cervellini (16 Alessandro Mularoni 61’), 19 Guilio Maria Bugli (11 Giacomo Molinari 82’), 22 Bartolomeo Riggioni
Coach: Matteo Cecchetti
Malta
12 Hugo Sacco (GK), 3 Mattias Ellul, 6 Andy Borg (10 Daniel Letherby 87’), 8 Joshua Pitts, 9 Nicholas Agius (13 Malik Amin 70’), 11 Nathan Cross (5 Sven Xerri 70’), 16 Jake Micallef (C) (7 Isaiah Chukunyere 70’), 18 Alfie Bridgman (21 Zak Barbara, 58’), 19 Benjamin Hili (2 Kean Scicluna 70’), 20 Jake Grech (15 Antiago De Flavia 87’), 22 Brooklyn Borg (14 Gunner Elliott 58’)
Coach: Davide Mazzotta
Referee: Mattia Andruccioli
Ammoniti: Diego Zavoli (SMR), Enea Della Balda (SMR), Gunner Elliott (MLT)