National Teams
Malta ċċedi lejn it-tmiem minkejja wirja offensiva
Published: 13-04-2025 13:17







Ritratti ta' Domenic Aquilina
UEFA UNDER-17 CHAMPIONSHIP 2025
LEAGUE B – GROUP 5
13.04.25
Centenary Stadium, Ta’ Qali, Malta
LUSSEMBURGU…2
MALTA….1
(HT 1-1)
17’ Abo Assaf (MLT), 45’ Dardari (LUX), 85’ Sousa (LUX).
It-team nazzjonali ta’ Taħt is-17-il sena, ta daqs kemm qala’ iżda ħareġ tellief bl-iskor ta’ 2-1 f’partita li kien fiha tliet goals f’konfront li seta’ mar kull hekk kif kien wieħed bilanċjat.
Il-Lussemburgu wrew li kienu aktar kliniċi bil-Maltin ifallu bosta ċansijiet ta’ skor li kienu determinanti.
Il-logħba kienet waħda pjaċevoli biż-żewġ naħat kienu offensivi bil-goal tar-rebħa tal-viżitaturi jiġi skorjat ħames minuti mit-tmiem.
Il-coach, Francesco Macri, għamel żewġ bidliet fid-difiża hekk kif Drew Miceli u Ben Gaerty li diġà lagħbu kontra l-Bulgarija, kienu preferuti minflok il-koppja ta’ Valletta, Emerson Mejlak u Keerin Formosa. L-attakkant ta’ Chesterfield, Gunner Elliot, reġa’ beda fuq il-bank iżda kien inkluż fit-tieni taqsima. Andreas Vella, ibbażat f’Palermo, reġa’ ġie magħżul fil-formazzjoni inizjali b’Jack Camilleri jkun il-captain tat-team.
L-avversarji l-Lussemburgu, li l-Ħamis li għadda bdew bi draw ta’ mingħajr goals kontra Faroe Islands u żammew lill-Awstrija fi draw ta’ 1-1 iżda tilfu kontra 3-0 kontra d-Danimarka fil-partiti ta’ kwalifikazzjoni tagħhom għall-ewwel round, bdew b’erba’ mis-seba’ players tagħhom ibbażati barra l-pajjiż.
Tnejn minn dawn huma mal-ġirien FC Metz fi Franza (Edson Lima u Jess Gomes Rodrigues), filwaqt li l-players offensivi Bilal Dardari (Schalke 04) u Diogo Dos Santos Pereira (Darmstadt) għandhom kuntratt ma’ clubs Ġermaniżi. Id-difensur xellugi, ibbażat ma’ Genoa Rodrigo Delgado, Alexandre Tavares ta’ FSV Mainz u l-attakkant ta’ Vitoria Guimaraes, Kevin Fernandes, kollha bdew fuq il-bank iżda kull wieħed lagħab fit-tieni taqsima.
Wara bidu kwiet, fis-17-il minuta, il-Maltin fetħu l-iskor permezz ta’ daqqa ta’ ras tad-difensur ċentrali, Sami Abo Assaf, li għeleb għal kollox lill-goalkeeper, Nayan Campos, minn corner ta’ Daniel Pawley.
Malta ħadet il-kontroll tal-partita u fit-23 minuta, id-difensur lemini, Drew Miceli, ikkrossja fil-kaxxa iżda ma kien hemm ħadd li seta’ jikkonkludi. Fis-36 minuta, Matteo-Paolo Grech approfitta minn back-pass erratiku iżda x-xutt tiegħu kien wisq dgħajjef u ġie salvat minn Campos.
Fit-42 minuta, il-captain tal-Lussemburgu, Lohan Monteiro Ruiz kien viċin il-goal tad-draw wara attakk minn fuq il-lemin iżda d-difensur ra t-tentattiv tiegħu jintemm barra f’dak li kien l-ewwel attakk denju tal-viżitaturi.
Iżda eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-Lussemburgu reġgħu heddew meta Dardari rċieva cross minn fuq il-lemin, ikkontrolla u b’mod intelliġenti evita l-avversarju dirett tiegħu u b’xutt minn tarf il-kaxxa xeħet fix-xibka.
Wara l-mistrieħ, il-konfront baqa’ bilanċjat, biż-żewġ naħat juru l-intenzjonijiet tagħhom. L-aħjar ċans għal Malta wasal ftit wara s-siegħa logħob, bis-sostitut Gunner Elliot jiġi żmarkat għal kollox iżda Campos ħareġ jimblokka parzjalment it-tentattiv tiegħu u r-rebound ta’ Scott Camilleri spiċċa għoli.
Erba’ minuti wara, Miceli avvanza minn fuq il-lemin, għadda lura b’mod eċċellenti lil Camilleri li iżda xeħet għoli għal darb’oħra. Għaldaqstant sfumaw fix-xejn żewġ okkażjonijiet li bihom stajna morna fil-vantaġġ.
L-inklużjoni ta’ Elliott fl-attakk kienet mossa tajba, bl-attakkant ta’ Chesterfield sforza ftit corners.
Min-naħa l-oħra, fit-80 minuta, l-attakkant tal-Lussemburgu, Ruben Sousa, resaq viċin iżda x-xutt imdawwar tiegħu għadda jħakkek mal-lasta. Peró, ħames minuti wara wasal il-goal rebbieħ tal-avversarji meta kross minn fuq ix-xellug ħadd mill-players Maltin ma rnexxielu jikklerja biex Sousa xeħet il-ballun fix-xibka minn daqqa ta’ ras.
Lussemburgu
Nayan Campos, Lohan Monteiro Ruiz, Edson Lima (Alexandre Tavares 63’), Mylan Oger, Mika Da Luz Garcia (Rodrigo Delgado 72’), Ruben Sousa, Bilal Dardari, Roger Motingea Sweli (Dinis Jordao Machado 82’), Diogo Dos Santos Pereira, Jona Polfer (Gabriel Martins Matysik 82’), Jess Gomes Rodrigues (Kevin Fernandes 63’).
Coach: Karim Bisbis
Malta
Adam Newell, Drew Miceli, Ben Gaerty, Andreas Vella, Sami Abo Assaf, Liam James, Daniel Pawley (Matteas Caruana 82’), Jack Camilleri, Zyad Vella-Newell, Scott Camilleri (Jaylen Zarb 76’), Matteo-Paolo Grech (Gunner Elliott 46’).
Coach: Francesco Macri
Referee: Aaron Wyn Jones (Wales)
Ammoniti: Gaerty, J.Camilleri, James (MLT), Campos, Motingea Sweli (LUX)