National Teams

IL-MALTIN ITEMMU D-DEVELOPMENT TOURNAMENT MINGĦAJR TELFA

Published: 05-10-2025 13:39
Malta U15 vs Andorra - 05.10.25.jpg
Malta U15 vs Andorra - 05.10.25 (1).jpg
Malta U15 vs Andorra - 05.10.25 (2).jpg
Malta U15 vs Andorra - 05.10.25 (3).jpg
Malta U15 vs Andorra - 05.10.25 (4).jpg
Malta U15 vs Andorra - 05.10.25 (5).jpg
Malta U15 vs Andorra - 05.10.25 (6).jpg
Malta U15 vs Andorra - 05.10.25 (8).jpg
This article is also available in English.

UEFA U15 DEVELOPMENT TOURNAMENT
Centenary Stadium, 05.10.2025

MALTA…1
ANDORRA…0
(HT 0-0)

47’ Andreas Mangion (MLT) 

Nhar il-Ħadd fis-Centenary Stadium, it-team nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena lagħab l-aħħar logħba tiegħu mill-Under 15 Development Tournament tal-UEFA fejn għeleb lil Andorra b’goal uniku skorjat kmieni fit-tieni taqsima.

Din kienet it-tielet logħba għat-tfal tagħna, li l-Ħamis għelbu lil Liechtenstein 2-0 u spiċċaw fi draw 2-2 ma’ San Marino fil-logħba tal-ftuħ nhar it-Tlieta, fejn rebħu l-logħba wara l-għoti tal-penalties.

Malta ddominat fil-parti l-kbira tal-ewwel taqsima, iżda ftit drabi ġiet sorpriża bil-kontrattakk b’Andorra kważi jikkastigaw wkoll xi żbalji difensivi.

L-attakkant ta’ Andorra, Lucas Souza, seta’ poġġa lill-viżitaturi fil-vantaġġ sa mit-tieni minuta, billi interċetta l-azzjoni ta’ Malta, iżda d-difiża tagħna rnexxielha timblokka x-xutt lejn il-lasti. Ftit wara, il-goalkeeper ta’ Andorra, Marti Fernandez, dawwar f’corner tentattiv mid-distanza ta’ Isaac Montebello.

Fit-13-il minuta, Enzo de Freitas Romao kellu opportunità kbira biex jiftaħ l-iskor minn tarf il-kaxxa iżda l-goalkeeper ta’ Andorra għamel tajjeb billi mblokka.

Fl-20 minuta, Fernandez reġa’ wettaq save kbir, din id-darba fuq tentattiv ta’ Giuseppe Melarosa.

Il-goalkeeper Malti, Sheldon Xerri, għamel tajjeb fit-34 minuta b’save eċċellenti fuq tentattiv ta’ Iker Gonzalez. Eżatt qabel il-mistrieħ, il-captain ta’ Andorra, Marc Ber, innewtralizza cross ta’ Xerri fil-kaxxa ta’ Malta, iżda l-goalkeeper Malti rkupra l-iżball tiegħu billi dawwar l-isforz f’corner.

It-tieni taqsima kellha l-istess xejra ta’ logħob u mmedjatament wara li daru, De Freitas Romao seta’ għamel aħjar bil-goalkeeper ta’ Andorra biss x’jegħleb iżda xeħet it-tentattiv tiegħu fuq il-mimduda.

Fis-47 minuta, Malta skorjat dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa permezz tas-sostitut ANDREAS MANGION, li għeleb lil Fernandez b’xutt angolat mit-tarf tal-kaxxa. Mangion kważi rdoppja fl-attakk li segwa minn cross ta’ Melarosa, iżda t-tap-in tiegħu ġie mdawwar f’corner.

Il-logħob kien ristrett l-aktar f’nofs il-ground wara l-ewwel perjodu biż-żewġ naħat inaqqsu r-ritmu. F’wieħed mill-ftit attakki ta’ Andorra fit-78 minuta, Sergi Vidal għamel tajjeb meta daħal fil-kaxxa ta’ Malta, fejn ipproduċa tentattiv qawwi li mar barra. Malta ppruvat tirdoppja iżda ma rnexxilhiex issib ix-xibka għat-tieni darba.

Malta
Sheldon Xerri (Zack Pule’ 46), Lee Bonanno (Edward Pace 46), Luke Mifsud (Elijah Olorundare 86), Nathan Azzopardi (Nikolai Vella-Giordimaina 46), Zven Cutajar (Capt), Isaac Montebello, Yan Calleja (Kaisaac Vella-Brincat 46), Jan Grech (Jesmar Spiteri 61), Declan Roosevelt Zammit (Andreas Mangion 46), Giuseppe Melarosa, Enzo de Freitas Romao (Andvic Inguanez 79) – Coach: Jonathan Holland.

Andorra 
Marti Fernandez (Joan Caballol 50), Sergi Vidal, Dani Gimeno (Bonifacio Perez 79), Jordi Puig Santamaria, Pol de Visa Mas (Guillem Areny 46), Arnau Boixareu (Gorka da Silva Uvaldo 70), Marc Ber (Capt), Jan Gonzalez (Hugo Casals 79), Lucas Sousa, Alan Cunha (Nil Hernandez Alvarez 46), Iker Gonzalez (Max Rosell 70) – Coach: Ion Rodriguez.

Referee: Kieron Haber (Malta).