National Teams
JIBDA L-BEJGĦ TAL-BILJETTI TAL-LOGĦBA BEJN MALTA U L-POLONJA TAL-FAŻI TA’ KWALIFIKAZZJONI TAT-TAZZA TAD-DINJA 2026
Published: 28-10-2025 13:30
It-Team Nazzjonali Malti se jtemm il-kampanja ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2026, f’Novembru, b’żewġ logħbiet importanti.
Malta l-ewwel se tilgħab kontra l-Finlandja, nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Novembru, fl-Istadium Olimpiku ta’ Helsinki, fil-Finlandja. Il-logħba tibda fis-6.00pm.
Imbagħad, Malta se tilqa’ lill-Polonja fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali, hekk kif it-Team Nazzjonali jtemm il-fażi ta’ kwalifikazzjoni għal din il-kompetizzjoni. Il-logħba se tintlagħab nhar it-Tnejn, 17 ta’ Novembru, fid-8.45pm.
Iż-żewġ logħbiet joffru lil Malta opportunità biex ittemm il-kwalifikazzjonijiet b’aktar punti, hekk kif il-coach, Emilio De Leo, jidher li se jkompli jibni fuq il-prestazzjonijiet reċenti tiegħu.
Bit-team isaħħaħ it-tħejjijiet tiegħu, il-bejgħ tal-biljetti għal-logħba kontra l-Polonja issa beda!
Kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA 2026 – Grupp G
Malta vs Polonja
17 ta’ Novembru 2025, fit-8.45pm
Stadium Nazzjonali
- Millennium D:
Adulti: €25 (Anzjani u Konċessjonijiet: €12.50)
-West C:
Adulti: €35 (Anzjani u Konċessjonijiet: €17.50)
Il-partitarji tat-timijiet avversarji se jkunu fil-West A Sector, l-Millennium F Sector u n-North Stand. Il-biljetti West A mhumiex disponibbli online, iżda l-biljetti għall-Millennium F u North Stand huma disponibbli mill-portal tal-biljetti tal-Malta FA. Il-biljetti għall-Millennium F huma kollha mibjugħa.
PREZZ SPEĊJALI GĦALL-MEMBRI TAS-SOUTH END CORE
Il-grupp uffiċjali tal-partitarji ta’ Malta, is-South End Core, se jkun allokat fis-Settur tal-Millennium D għal-logħba kontra l-Polonja fejn ikunu qed jagħtu l-appoġġ massimu lit-team Malti.
Għal din il-logħba, il-membri tas-South End Core se jibbenefikaw minn rata speċjali mnaqqsa ta’ €15 biss għal biljett fis-Settur tal-Millennium D!
Din l-għażla hija miftuħa biss għall-partitarji lokali. Kwalunkwe partitarju li jilbes il-flokk tat-team avversarju mhux se jitħalla jidħol.
Wieħed jista’ jsir membru tas-South End Core jew jikseb il-biljetti għal-logħba kontra l-Polonja mis-sit elettroniku uffiċjali tal-MFA.
AĊĊESSIBBILTÀ
Għal aċċess għal wheelchairs, ibgħat it-talba tiegħek lil tickets@mfa.com.mt. Persuni b’mobbiltà limitata u dawk li jieħdu ħsiebhom jistgħu jgawdu minn prezzijiet konċessi.
Ejjew nappoġġjaw lit-team fil-logħba finali tal-Kwalifikazzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA!