National Teams
Jibda l-bejgħ tal-biljetti għal-logħba ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026 barra minn darna kontra l-Olanda
Published: 05-05-2025 13:27
It-team nazzjonali Malti jkompli l-kampanja ta’ Kwalifikazzjoni Ewropea tat-Tazza tad-Dinja 2026 fil-ġimgħat li ġejjin b’żewġ logħbiet kruċjali.
Malta, l-ewwel se tilgħab kontra l-Litwanja, nhar is-Sibt 7 ta’ Ġunju fis-6.00 pm fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali. Il-bejgħ tal-biljetti għal dik il-logħba diġà beda.
Barra minn hekk, it-team nazzjonali se jivvjaġġa wkoll lejn Groningen biex jilgħab kontra l-Olanda, nhar it-Tlieta 10 ta’ Ġunju 2025, fid-8.45 pm. Il-logħba se tintlagħab fl-Hitachi Capital Mobility Stadium.
Hekk kif qed nippreparaw għal dawn il-partita, il-Malta FA qed tirċievi wkoll applikazzjonijiet għal biljetti għal-logħba kontra l-Olanda!
Il-biljetti huma disponibbli għal €40 (€39 + €1 ħlas amministrattiv), għalhekk kun żgur li taċċerta postek biex tara lit-team Malti fl-azzjoni.
Dawk il-partitarji li huma interessati, jistgħu japplikaw għal biljett billi jimlew il-formola li tinsab hawn taħt:
Min jista’ jixtri?
Il-partitarji tat-team nazzjonali ta’ Malta biss huma eliġibbli biex jixtru biljetti barra minn xtutna.
Int trid tipprovdi prova valida tan-nazzjonalità jew tar-residenza, bħal:
– Passaport Malti, jew
– Karta ta’ Residenza Maltija valida
Kundizzjonijiet Importanti
- Il-biljetti mhumiex trasferibbli u ma jistgħux jinbiegħu mill-ġdid.
- Kull applikazzjoni tiġi riveduta u tista’ tiġi miċħuda mill-awtoritajiet tal-istadium jew mill-Malta FA mingħajr spjegazzjoni, speċjalment jekk il-kriterji ta’ eliġibbiltà ma jintlaħqux.
- Il-biljetti jkunu disponibbli biex jinġabru mill-istess persuni li se jattendu, ġurnata qabel il-logħba fi Groningen. Il-post eżatt tal-ġbir jitħabbar eqreb lejn id-data tal-logħba.
- Partitarji mingħajr identifikazzjoni valida mhux se jingħataw dħul fiż-żona tal-partitarji viżitaturi.
Jekk jogħġbok innota li kull biljett irid ikun irreġistrat għal individwu uniku. Biex tiżgura identifikazzjoni preċiża tad-detentur tal-biljett, imla l-formola li tinsab fuq is-sit elettroniku tal-MFA u l-ħlas separatament għal kull biljett li tixtieq tixtri.