National Teams

MANUELA TESSE TIFFINALIZZA L-ISKWADRA TA’ 24 PLAYER GĦAL-LOGĦBIET TA’ ĦBIBERIJA KONTRA L-BELARUS

Published: 23-10-2025 10:55
Manuela Tesse.jpg
This article is also available in English.

Il-coach nazzjonali tan-Nisa, Manuela Tesse, iffinalizzat l-iskwadra ta’ 24 player għal-logħbiet ta’ ħbiberija internazzjonali li ġejjin kontra l-Belarus, hekk kif it-team ikompli t-tħejjijiet tiegħu għar-round ta’ kwalifikazzjoni Ewropea tas-sena d-dieħla f’League B.

L-ewwel logħba se tintlagħab fis-Centenary Stadium, Ta’ Qali, nhar is-Sibt, 25 ta’ Ottubru, 2025, u tibda fis-7.30 pm, filwaqt li t-tieni logħba ta’ ħbiberija se tintlagħab nhar, it-Tlieta, 28 ta’ Ottubru, 2025, u tibda fis-7. 00pm. Il-biljetti għaż-żewġ logħbiet huma disponibbli mill-portal tal-biljetti tal-Malta FA. Iż-żewġ logħbiet se jixxandru b’mod dirett fuq il-pjattaforma ta’ YouTube tal-Malta FA.

IXTRI L-BILJETTI

Mill-iskwadra proviżorja msemmija aktar kmieni din il-ġimgħa, il-players ibbażati barra l-pajjiż, Jana Barbara u Fiona Buttigieg, ġew esklużi wara li sofrew injury.

L-għażla ta’ 24 player ta’ Tesse tinkludi diversi plejers b’esperjenza, inklużi tmienja bbażati barra l-pajjiż, u għadd ta’ żgħażagħ li qed jingħataw aktar opportunitajiet biex itejbu u jistabbilixxu ruħhom fil-livell tal-kbar.

Il-logħbiet ta’ ħbiberija kontra l-Belarus se jservu bħala tħejjija siewja għall-kampanja ta’ Kwalifikazzjoni Ewropea 2026, fejn se jkunu opportunità siewja għall-istaff tekniku biex jevalwa l-players u jtejjeb l-approċċ tattiku qabel ma jittellgħu l-poloz ta’ League B, f’Novembru li ġej.

Il-coach Tesse għażlet skwadra bilanċjata li tgħaqqad l-esperjenza mal-ġenerazzjoni żagħżugħa, biex tiżgura kontinwità fit-team li kiseb din il-promozzjoni. 

Kif imħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa, l-istruttura tal-coaches tat-team nazzjonali tan-nisa ġiet imsaħħa  bil-ħatra ta’ Patrizia Panico bħala Konsulent Tekniku. Figura rispettata ħafna fil-football Ewropew, Panico ġġib magħha għadd kbir ta’ esperjenza internazzjonali u kompetenza teknika li se ttejjeb aktar il-qafas tal-iżvilupp tat-team. L-istess jista’ jingħad għal Herman Bugeja li ngħata r-rwol ta’ Assistant Coach, u ngħaqad ma’ Tesse fit-tmexxija tat-tħejjijiet u l-istrateġija kompetittiva tal-iskwadra.

L-iskwadra ta’ 24 player magħżula mill-coach Tesse hija din:

Goalkeepers
Maya Cachia (Hibernians FC), Giulia D’Antuono (Mġarr United), Patricia Ebejer (Mġarr United FC),

Difensuri
Rebecca Bajada (Mġarr United), Leanne Cefai (Mġarr United), Tammy Falzon (Swieqi United), Stephania Farrugia (Birkirkara FC), Alexandra Gatt (Hull City Ladies, England), Oceane Grange (SV Zulte Waregem, Belġju), Emma Lipman (Genoa FC, Italja), Maya Lucia (Apolloni) FC), Valentina Rapa (Swieqi United), Emma Xuereb (Swieqi United)

Midfielders
Rachel Cuschieri (Genoa FC, Italja), Amber Grech (Mgarr United), Nicole Sciberras (Hibernians), Gabriella Zahra (Birkirkara FC), Shona Zammit (Swieqi United)

Attakkanti
Leah Ayres (Hibernians FC), Haley Bugeja (Inter FC, Italja), Yulya Carella (Mġarr United), Maria Farrugia (Bristol City, Ingilterra), Kailey Willis (ACF Brescia Calcio Femminile, Italja)