National Teams
Malta taċċerta l-promozzjoni għal League B b'rebħa diffiċli fuq Ċipru quddiem attendenza rekord
Published: 30-05-2025 21:09




2027 FIFA Women’s World Cup – UEFA Women’s Nations League – Group C2
Stadium Nazzjonali, Ta’ Qali, 30.05.2025
MALTA...1
ĊIPRU...0
(HT 1-0)
42’ Haley Bugeja (MLT)
Malta assigurat ir-ritorn f’League B tal-UEFA Women’s Nations League grazzi għal rebħa minima ta’ 1-0, fuq Ċipru l-Ġimgħa filgħaxija.
Il-partita ntlagħbet quddiem 1,205 spettatur fl-Istadium Nazzjonali, attendenza rekord għal partita internazzjonali tal-football tan-nisa f’Malta.
Il-Maltin kellhom bidu tajjeb u ħarġu fuq l-offensiva bl-ewwel attakk jasal wara ħames minuti minn Maria Farrugia iżda l-cross tagħha ma sab lil ħadd minn sħabha.
It-team ospitu resaq viċin li jiftaħ l-iskor, fit-22 minuta, meta Rachel Cuschieri xeħtet lejn Haley Bugeja iżda din naqset li tagħmel kuntatt mal-ballun.

Man-nofs siegħa logħob, Malta kellha opportunità kbira li tiftaħ l-iskor hekk kif Bugeja sabet l-ispazju f’nofs il-ground, avvanzat u għaddiet lejn Cuschieri, iżda quddiem il-goalkeeper, Maria Matthaiou, xeħtet il-ballun barra.
Minkejja l-pressjoni kollha ta’ Malta, Ċipru marru ferm viċin li jiftħu l-iskor fl-40 minuta, hekk kif minn azzjoni ta’ corner il-ballun wasal għand Elena Aristodimou, iżda x-xutt tagħha ħabat mal-lasta u spiċċa barra.
Mandankollu, eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-Maltin marru fil-vantaġġ meta Bugeja rċeviet il-ballun f’nofs il-ground, avvanzat u għelbet żewġ difensuri qabel fajret kanunata dritt għal ġox-xibka.
Immedjatament wara, Malta resqu viċin li jirduppjaw, hekk kif minn azzjoni ta’ corner, it-tentattiv bix-xellug ta’ Emma Lipman ġie mdawwar f’corner ieħor mill-goalkeeper Ċiprijotta.
Wara l-mistrieħ, il-Maltin komplew fejn ħallew fl-ewwel taqsima hekk kif bdew jirbħu l-blalen f’nofs il-ground.
Fil-51 minuta, Farrugia ġiet żmarkata minn Shona Zammit, iżda wara li għamlet ġirja lejn tarf il-kaxxa, il-winger ta’ Sheffield United ma setgħetx tikkontrolla sew il-ballun u x-xutt tagħha ġie salvat faċilment.
Il-Maltin baqgħu fuq l-offensiva, u fid-59 minuta Zammit serqet ballun f’tarf il-kaxxa iżda x-xutt tagħha ntemm għoli.
Fis-67 minuta, Matthaiou reġgħet ġiet imsejħa fl-azzjoni meta minn corner ta’ Cuschieri sabet lil Lipman li d-daqqa ta’ ras tagħha ġiet salvata mill-goalkeeper Ċiprijotta.

Farrugia baqgħet theddida kontinwa għall-avversarji u fit-72 minuta resqet viċin li żżid l-iskor għall-Maltin meta minn tarf il-kaxx venvnet xutt li spiċċa mal-mimduda u ntemm barra.
Il-Maltin komplew jamministraw il-logħba biex eventwalment aċċertaw ir-rebħa u żguraw il-promozzjoni lura għal League B tal-UEFA Women’s Nations League.
Malta
1 Janice Xuereb (GK), 4 Emma Louise Lipman (C), 6 Oceane Virginie Grange, 8 Rachel Cuschieri, 9 Kailey Willis, 10 Maria Farrugia, 13 Maya Lucia, 14 Shona Zammit, 18 Emma Xuereb, 20 Nicole Sciberras, 21 Haley Bugeja (11 Leah Alice Ayres 90+2’)
Coach: Manuela Tesse
Ċipru
1 Maria Matthaiou (GK), 2 Chara Charalambous (13 Korina Adamou 64’), 3 Chryso Michael (5 Efthalia Siakalli 76’), 4 Andrea Cusick (6 Anna Matsoukari 88’), 7 Maria Panagiotou, 8 Filippa Savva (C), 9 Antri Violari, 10 Elena Aristodimou (11 Loucretia Chrysostomou 88’), 16 Sara Papadopoulou, 17 Marilena Georgiou, 19 Marilia Constantinou (21 Antriana Tsoukka 76’)
Coach: Renos Demetriades
Referee: Sabina Bolic (KRO)
Karti Sofor: Maya Lucia (MLT), Haley Bugeja (MLT)
Ritratti ta' Andre Farrugia