National Teams

Malta b'wirja soda fi draw kontra l-Estonja

Published: 25-03-2025 20:56
Malta U21 vs Estonia U21 1.jpg
Malta U21 vs Estonia U21 2.jpg
Malta U21 vs Estonia U21 3.jpg
Malta U21 vs Estonia U21 4.jpg
Malta U21 vs Estonia U21 5.jpg
Malta U21 vs Estonia U21 6.jpg
Malta U21 vs Estonia U21 7.jpg
Malta U21 vs Estonia U21 8.jpg
Malta U21 vs Estonia U21 9.jpg
This article is also available in English.

Ritratti ta' Craig Camilleri

Under-21 International Friendly
25.03.2025, Centenary Stadium

MALTA...1
ESTONJA...1
(HT 1-1)

21’ Mustmaa Karel (EST), 24’ Keyon Ewurum (MLT)

Il-coach Davide Mazzotta, għamel id-debutt tiegħu mat-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena bi  draw impressjonanti ta’ 1-1  kontra l-Estonja f’partita ta’ ħbiberija, nhar it-Tlieta li għadda.

Il-partita ma tantx bdiet fuq nota pożittiva hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jitilfu l-pussess tal-ballun minħabba li l-ground kien qed jiżloq minħabba x-xita kontinwa. 

Iżda l-Maltin żiedu l-intesitá tagħhom u, fl-10 minuta, Nathan Cross ġera fuq il-linja leminija iżda l-cross tiegħu ġie kkontrollat mid-difiża tal-Estonja. 

Fis-16-il minuta, il-Maltin heddew meta Andrew Borg ġie żmarkat f’tarf il-kaxxa u venven xutt li ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper, Ott Nomm.  

Il-players Maltin komplew iżidu l-pressjoni, iżda l-Estonja  baqgħu perikolużi fil-kontrattakki tagħhom. U proprju, fil-21 minuta, huma fetħu l-iskor meta Karel Mustmaa ġera mal-linja, daħal fil-kaxxa u għeleb lill-goalkeeper, Hugo Sacco.

Madankollu, il-Maltin wettqu reazzjoni mmedjata u, fl-24 minuta, kisbu d-draw meta minn azzjoni ta’ corner, Nicholas Agius sab lil Keyon Ewurum fuq it-tieni lasti li permezz ta’ daqqa ta’ ras xeħet fix-xibka. 

L-Estonja baqgħu perikolużi bil-kontrattakki tagħhom b’Mustmaa kien l-aktar avversarju ta’ theddika għall-Maltin u fit-30 minuta, qabeż lid-difiża tagħna iżda t-tentattiv tiegħu ġie salvat minn Hugo Sacco. 

Fit-42 minuta, il-Maltin resqu viċin meta Alfie Bridgman ġibed lejn ix-xellug u spara xutt bid-dawra iżda sab lill-goalkeeper avversarju attent li salva b’mod eċċellenti. 

U biż-żewġ naħat ma setgħux isibu t-triq lejn ix-xibka avversarja, iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu fi draw ta’ 1-1. 

Il-bidu tat-tieni taqsima beda fuq nota kwieta hekk kif iż-żewġ naħat tħabtu biex jirbħu l-pussess tal-ballun bil-logħob ikun interrott b’diversi waqfien.

Fit-78 minuta, l-Estonja fallew opportunitá li jmorru fil-vantaġġ meta Karel Erme rċieva l-ballun u waħdu quddiem il-goalkeeper Sacco xeħet barra hekk kif dan tal-aħħar ħareġ minn postu biex jantiċipa lill-player avversarju.

Fis-86 minuta, kien imiss lill-Maltin li jersqu viċin li jiskorjaw meta ngħataw freekick barra l-kaxxa iżda l-goalkeeper Nomm wettaq save kbir. 

Żewġ minuti wara, il-players tagħna fallew ċans ieħor meta Isaiah Chukunyere għadda lejn Barbara li kkorssja lejn  Kian Leonardi iżda l-attakkant Malti naqas li jagħmel kuntatt mal-ballun. 

Fl-aħħar ħinijiet, iż-żewġ goalkeepers ma ġewx impenjati biex il-partita ntemmet fi draw ta’ 1-1.

Malta
12 Hugo Sacco (GK), 3 Mattias Ellul (2 Kean Scicluna 46’), 4 Finley Ging, 6 Andrew Borg (10 Daniel Letherby 46’), 8 Keyon Ewurum (7 Isaiah Chukunyere 46’), 9 Nicholas Agius (22 Sean Gatt 57’), 11 Nathan Cross, 16 Jake Micallef (C) (17 Aiden Zammit 46’), 18 Alfie Bridgman (14 Kian Leonardi 57’), 19 Benjamin Hili (13 Matteo Gambin 84’), 20 Jake Grech (21 Zak Barbara 46’)
Coach: Davide Mazzotta

Estonja
1 Ott Nõmm (GK) (C), 2 Sander Tovstik (3 Aleksander Filatov 46’), 4 Andreas Vaher (18 Robert Veering 46’), 5 Laurits Õunpuu (20 Hugo Palutaja 75’), 6 Oskar Hõim (16 Herman Pedmanson 75’), 7 Daniel Luts (17 Kristjan Kriis 57’), 8 Rommi Siht (13 Jegor Zuravljov 75’), 9 Ramol Sillamaa (11 Karel Eerme 57’), 14 Karel Mustmaa (24 Taavi Jurisoo 57’), 15 Mihhail Kolobov (19 Kristofer Kait 46’), 21 Tony Varjund (10 Maksim Kalimullin 57’)
Coach: Jani Sarajärvi

Referee: Trustin Farrugia Cann

Ammoniti: Sander Tovstik (EST), Kristofer Kait (EST), Aiden Zammit (MLT)