National Teams

Il-vjaġġ lejn San Marino ppermetta lill-players ta' taħt il-21 sena jimmaturaw gradwalment jgħid il-coach Mazzotta

Published: 06-06-2025 16:45
san-marino---malta_54568953778_o_2.jpg
This article is also available in English.

Il-coach tat-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena, Davide Mazzotta, enfasizza kif il-vjaġġ barra minn darhom lejn San Marino ppermetta lit-team ikompli jkabbar il-kemistrija tiegħu u jidra aktar l-istil ta’ logħob li jrid jara.

Il-coach Mazzotta kien qed jitkellem qabel it-tieni minn żewġ logħbiet ta’ ħbiberija internazzjonali kontra San Marino.

Fl-ewwel partita, li ntlagħbet nhar l-Erbgħa, it-team Malti ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 1-0, bid-difensur Kean Scicluna jiskorja l-uniku goal f’wirja relattivament dominanti mit-team żagħżugħ Malti fl-Istadium Ezio Conti di Dogana.

Is-Sibt 7 ta’ Ġunju, Malta se terġa’ tilgħab kontra San Marino, din id-darba fl-Stadio di Acquaviva, fis-6.00 pm.

F’kumment dwar il-logħba preċedenti, il-coach Mazzotta rrimarka li l-istaff tekniku jħoss li t-team kien solidu, kompatt, u determinat ħafna.

“F’termini ta’ karattru, il-players jinsabu lesti li jagħmlu sagrifiċċji u qatt m’huma se jaqtgħu qalbhom. Dan il-vjaġġ qed jippermettilna nikbru jum b’jum, kemm f’termini ta’ kemistrija kif ukoll fl-iżvilupp tal-ideat tagħna ta’ football proattiv,” żied jgħid.

Peress li l-logħba tas-Sibt hija tant viċin minn dik li ntlagħbet nhar l-Erbgħa u b’hekk ma kellhomx ħafna jiem għall-irkupru, il-coach Mazzotta stqarr li dan se jiftaħ il-bibien għal aktar rotazzjoni.

“Se nagħtu ħin ta’ logħob lil players oħrajn mill-bidunett u se nagħmlu l-almu tagħna biex nagħtu ftit minuti lil kulħadd,” qal.

Huwa żied jgħid li hemm players li mhumiex kompletament f’saħħithom biex jibdew u għaldaqstant se jidħlu bħala sostituti matul il-logħba. Il-coach Mazzotta semma wkoll li bosta players għadhom żgħar ħafna u għalhekk se jkollhom bżonn jiġu integrati aktar gradwalment.