National Teams

PATRIZIA PANICO U HERMAN BUGEJA JINGĦAQDU MAL-ISTAFF TEKNIKU TAT-TEAM NAZZJONALI TAN-NISA

Published: 22-10-2025 09:47
Women's NT 1.jpg
This article is also available in English.

Il-Malta FA bi pjaċir tħabbar li t-team tekniku tat-Team Nazzjonali tan-Nisa  ġie msaħħaħ bil-ħatriet ta’ Patrizia Panico u Herman Bugeja.

Panico, eks player rinomata Taljana, se tingħaqad mat-team bħala Konsulent Tekniku tat-Timijiet Nazzjonali tan-Nisa, filwaqt li Bugeja, li bħalissa jservi bħala Kap tal-Edukazzjoni tal-Coaches fi ħdan l-Assoċjazzjoni, inħatar bħala Assistent Coach tat-Team Nazzjonali Femminili ‘A’.

Panico hija isem magħruf fid-dinja tal-football tan-nisa, b’karriera internazzjonali mill-aqwa fejn lagħbet 204 partiti internazzjonali mal-Italja u skorjat 110 goal, li jagħmilha l-aqwa skorer fl-istorja tat-team nazzjonali Taljan. Matul il-karriera tagħha li damet 23 sena fil-football Taljan, hija lagħbet ma’ clubs bħal Lazio Women, Torres Calcio, u Bardolino (illum Verona), fost oħrajn. Fl-2015 ġiet inkluża fil-Italian Football Hall of Fame, wara li rebħet bosta unuri matul il-karriera tagħha, inkluż li kienet il-top scorer tal-kampjonat Taljan f’ħames staġuni differenti.

Wara li rtirat mil-logħba, Panico daħlet fid-dinja tal-coaching, u ngħaqdet mal-Federazzjoni Taljana tal-Football (FIGC) fejn hija kkowċjat diversi timijiet maskili taż-żgħażagħ. Fl-2021 ġiet maħtura coach prinċipali ta’ ACF Fiorentina Women, filwaqt li l-istaġun li għadda serviet bħala Assistant Coach ta’ Olympique Lyonnais Féminin. Hija għandha liċenzja UEFA Pro.

Herman Bugeja huwa coach rispettat ħafna fil-football Malti u bħalissa jokkupa wkoll il-kariga ta’ Kap tal-Edukazzjoni tal-Coaches fil-Malta FA — irwol li ilu jżomm sa mill-2021. Bugeja huwa wkoll coach b’liċenzja UEFA Pro, u jmexxi firxa wiesa’ ta’ korsijiet fil-qasam tal-coaching, li jinkludu mill-Grassroots Leaders Course sa korsijiet tal-UEFA C, UEFA B, UEFA A, u UEFA Pro. Matul il-karriera tiegħu, kien ukoll parti mit-timijiet tekniċi ta’ diversi clubs lokali, fosthom Pietà Hotspurs FC, Birkirkara FC, u Hibernians FC.

Dawn iż-żewġ ħatriet se jsaħħu aktar l-istruttura teknika taħt il-coach Manuela Tesse, biex jippermettu żvilupp kontinwu fid-dipartiment tal-football tan-Nisa tal-Malta FA u fit-team nazzjonali tan-nisa.

It-Team Nazzjonali tan-Nisa ‘A’ se jilgħab żewġ logħbiet internazzjonali ta’ ħbiberija kontra Belarus fil-jiem li ġejjin, it-tnejn fis-Centenary Stadium. L-ewwel logħba se tintlagħab nhar is-Sibt, 25 ta’ Ottubru, fis-7.30 pm filwaqt li t-tieni konfront se jintlagħab nhar it-Tlieta, 28 ta’ Ottubru, fis-7.00 pm.

Il-biljetti għal dawn il-logħbiet huma disponibbli permezz tal-portal tal-biljetti tal-Malta FA, u ż-żewġ partiti se jixxandru b’mod dirett fuq il-pjattaforma ta’ YouTube tal-Malta FA.

Barra minn hekk, it-Team Nazzjonali tat-Tfajliet ta’ Taħt il-19-il sena se jkun ukoll fl-azzjoni din il-ġimgħa b’żewġ logħbiet ta’ ħbiberija kontra l-Libanu, ukoll fis-Centenary Stadium. L-ewwel logħba se tintlagħab nhar l-Erbgħa, 22 ta’ Ottubru, fit-3.00 pm u mbagħad nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Ottubru, bl-istess ħin.

Iż-żewġ logħbiet se jixxandru b’mod dirett fuq il-pjattaforma ta’ YouTube tal-Malta FA.