National Teams

National Football Centre se jilqa’ l-partitarji għal sessjoni ta’ taħriġ miftuħa tat-tim nazzjonali Malti

Published: 02-06-2025 20:54
DA_831A6088_1.jpg
This article is also available in English.

Għall-ewwel darba n-National Football Centre f’Ta’ Qali se jkun qed jilqa’ l-partitarji Maltin biex isegwu għal sessjoni miftuħa ta’ taħriġ tat-tim nazzjonali Malti, ftit jiem qabel l-impenn f’darna kontra l-Litwanja u sussegwentement barra minn darna kontra l-Olanda.

It-tim immexxi mill-kowċ Emilio De Leo, propju għada fis-6:15 ta’ filgħaxija se jkun qed jitħarreġ fit-Training Grounds tal-MFA u l-bibien se jkunu miftuħa għall-partitarji u l-pubbliku inġenerali biex ikunu jistgħu jsegwu s-sessjoni ta’ taħriġ u wara se jitħallew jinżlu jiltaqgħu mal-plejers Maltin. It-tim issa jinsab isegwi programm dettaljat li se jwasslu għal dawn iż-żewġ partiti ta’ kwalifikazzjoni u b’hekk l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol ħasbet biex tagħti wkoll l-opportunit sabiex il-pubbliku jkun jista’ jsegwi mill-viċin l-aħħar preparamenti tat-tim.

Din se tkun ukoll l-ewwel darba li l-pubbliku se jkun jista’ jara l-iżvilupp u l-immodernizzar importanti li qed isir fil-faċilitajiet tal-Assoċjazzjoni fil-kumpless sportiv f’Ta’ Qali. Iċ-ċentru se joffri numru ta’ faċilitajiet fosthom se jinkorpora Category 1 Stadium skont ir-rekwiżiti tal-UEFA, żona medika u ta’ xjenza sportiva, żona ta’ rilassament għall-plejers, parti amministrattiva, żona għall-konferenzi u aktar. Minbarra l-użu fuq livell domestiku, in-National Football Centre se joffri wkoll livell ta’ aktar kwalit fis-settur tat-turiżmu sportiv. In-National Football Center huwa skedat li jiftaħ uffiċjalment fl-aħħar kwart ta’ din is-sena, bil-ħidma taċ-Ċentru Tekniku tal-MFA u kif ukoll l-operat u l-loġistika kollha tas-selezzjonijiet nazzjonali jkunu rilokati fil-binja l-ġdida li se tkun armata b’faċilitajiet mill-aqwa biex isservi ta’ ċentru għal ħidma fil-parti teknika.

 Id-dħul għas-sessjoni ta’ għada se jkun mingħajr ħlas u l-pubbliku se jkun iddirezzjonat sabiex jaċċessa n-National Football Centre minn dħul separat biswit l-istess binja. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jattendi sabiex ikun parti minn din l-esperjenza sabiħa flimkien mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżna.

 In National Football Centre huwa investiment ko-finanzjat mill-Malta Football Association u n-National Development and Social Fund.