National Teams

New look U21 Team laying final touches ahead of home double friendly fixture

Published: 23-09-2022 09:21
U21 Training Sept 16 MZC_5732.jpg
This article is also available in English.

It-team nazzjonali ta’ taħt il-21 sena jipprepara għal żewġ logħbiet ta’ ħbiberija

It-team nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 sena se jkun fl-azzjoni, is-Sibt fis-7.00 pm, f’partita ta’ ħbiberija internazzjonali kontra Ċipru.

Din il-partita li se tintlagħab fis-Centenary Stadium, se tirrappreżenta era ġdida ta’ din il-kategorija fil-livell tat-team nazzjonali, b’bosta players jiġu msejħa għall-ewwel darba.   

L-edizzjoni preċedenti ta’ kwalifikazzjoni ntemmet f’Ġunju li għadda, b’partita barra minn xtutna kontra Spanja, f’liema kompetizzjoni t-team irreġistra sitt punti grazzi għaż-żewġ rebħiet fuq l-Irlanda ta’ Fuq.

Qabel din il-partita ta’ ħbiberija kontra Ċipru, dan is-sit għamel kuntatt mal-coach Gilbert Agius, li qed jagħmel dak kollu fil-poter tiegħu biex f’din l-iskwadra l-ġdida jinfilsa identitá  u filosofija ta’ kollettivitá li għal dawn l-aħħar snin it-timijiet nazzjonali ilhom jimplimentaw.

“L-iskwadra bħalissa fiha taħlita ta’ players mill-era preċedenti flimkien ma’ demm ġdid, li kollha se jkunu qed jaħdmu biex jistabbilixxu ruħhom u jissiġillaw post regolari f’din l-iskwadra ta’ Taħt il-21 sena fil-futur qrib.”

Il-coach Agius saħaq li, “Mhux faċli li tagħmel paraguni ... l-iskwadra preċedenti kienet tikkostitwixxi l-isforz ta’ grupp ta’ players fuq medda ta’ 18-il xahar, filwaqt li din l-iskwadra hija totalment ġdida. Ilna naħdmu flimkien ġimgħa biss u għaldaqstant għadu kmieni biex nifhmu lil xulxin, nadottaw il-metodi tagħna kif ukoll nifhmu dak li hu meħtieġ eżattament mill-players.

“F’ċirkostanzi bħal dawn meta jkollna tant players ġodda, din hija opportunità għalija u għall-bqija tal-istaff tiegħi biex naraw u nittrasmettu ma’ kull individwu li jirrappreżenta lil dan il-grupp ta’ players, l-istil ta’ logħob u l-filosofija li nixtiequ napplikaw.”

Coach Agius irrikonoxxa l-fatt li hemm prinċipji li jridu jiġu riveduti, jiġifieri, li għal uħud mill-players fl-iskwadra attwali, din l-opportunità tirrappreżenta wkoll l-ewwel esperjenza ta’ taħriġ f’dan il-livell tat-team nazzjonali.

“Aħna nafu xi rridu minn dan il-grupp ta’ players, nibqgħu sodi fl-identità tagħna u nadottaw is-sistema talogħob applikata mill-coach nazzjonali, Devis Mangia. Jien ninsab fiduċjuż li dan il-grupp ta’ players se jaħsad il-benefiċċji bħala team, iżda rridu naħdmu qatiegħ waqt it-taħriġ qabel ma jifhmu x’nirrikjedi minnhom,” saħaq il-coach Agius.

 

Partiti ta’ ħbiberija kontra Ċipru u l-Montenegro 

Wara l-partita kontra Ċipru ta’ nhar s-Sibt, it-team jirritorna fl-azzjoni kontra l-Montenegro fit-tieni partita ta’ ħbiberija (nhar it-Tnejn fis-7.00 pm), jiġiferi, 48 siegħa biss wara.

“Se nżommu ħarsitna wkoll fuq il-players stabbiliti f’din l-iskwadra. Dawn għadhom mhumiex il-prodott aħħari, qegħdin fit-triq it-tajba iżda għandna nifhmu wkoll li għad hemm lok biex inżidu u npoġġu l-metodi tagħna fil-prattika, bil-għan li nimxu ‘l quddiem u ngħinu aktar lil dan il-grupp ta’ players jimmatura u jgħolli l-livell tiegħu tal-logħba,” temm jgħid il-Coach Gilbert Agius.