National Teams

MD-1: De Leo u Mentz jitkellmu dwar il-konfront kontra l-Olanda

Published: 09-06-2025 17:44
WhatsApp Image 2025-06-09 at 17.19.54 (2).jpeg
WhatsApp Image 2025-06-09 at 17.19.54 (4).jpeg
This article is also available in English.

Lejlet il-partita valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni Ewropea tat-Tazza tad-Dinja 2026 kontra l-Olanda, il-coach nazzjonali ta’ Malta, Emilio De Leo u d-difensur,  Gabriel Bohrer Mentz,  indirizzaw lill-midja b’umiltà u b’sens ċar ta’ responsabbiltá.

Il-coach De Leo enfasizza li l-fokus tat-team irid jibqa’ konsistenti, irrispettivament mill-avversarji. “Tħarriġna sew u l-grupp huwa motivat. Hija logħba prestiġjuża, iżda l-mentalità tagħna ma tinbidilx skond l-avversarji,” qal. “Ma naqbilx mal-idea li din hija l-aktar logħba diffiċli tagħna. Kull logħba trid tiġi ttrattata bl-istess mod. L-hekk imsejħa logħob ‘aktar faċli’ fuq il-karta spiss tista’ tkun l-aktar diffiċli.”

De Leo appella għall-għaqda u l-appoġġ mill-partitarji f’pajjiżna: “Malta u l-players tagħha jistħoqqilhom rispett. Biex niksbu riżultat tajjeb, neħtieġu lil kulħadd ikun warajna. Dak l-appoġġ huwa vitali.”

Huwa wera wkoll rispett lejn l-Olandiżi.

“L-Olanda huma team b’saħħtu b’ħafna talent. Nafu x’qed niffaċċjaw - se tkun prova vera. Iżda m’aħniex hawn biss biex insegwu ... qegħdin hawn biex nikkompetu.”

Il-coach enfasizza wkoll l-investiment kontinwu ta’ Malta fiż-żgħażagħ, fejn innota li t-team qed “jagħti spazju lill-players imwielda fl-2007,” u dan juri viżjoni fit-tul għat-team nazzjonali.

Il-bidliet fl-iskwadra għadhom qed jiġu vvalutati qabel il-logħba. “Għadna qed nevalwaw il-players, saħansitra sa sigħat qabel dan il-konfront,” ikkonferma De Leo. “Barra minn hekk aħna kuntenti li nilqgħu lura lil Kurt Shaw u Gabriel Bohrer Mentz, li rritornaw minn sospensjoni minħabba li huma players importanti għalina.”

Min-naħa tiegħu, Gabriel Bohrer Mentz, li tilef l-aħħar logħbiet minħabba sospensjoni, esprima l-kburija tiegħu li se jerġa’ jilbes il-flokk nazzjonali. “Huwa ta’ unur li nkun parti mit-team nazzjonali. Kien frustranti li noqgħod bilqiegħda u nsegwi mill-bogħod,” huwa qal. “Dan huwa wieħed mill-aqwa timijiet fl-Ewropa u għaldaqstant hija logħba kbira. Iżda ppreparajna sewwa matul dawn l-aħħar tliet ġimgħat u ninsabu lesti.”

L-iskwadra hija motivata, u Malta hija lesta biex tiffaċċja l-isfida - b’fokus, b’rispett u bi twemmin.

Il-logħba bejn l-Olanda u Malta se tintlagħab fil-Euroborg Stadion, fi Groningen, fid-8.45pm. 

Il-logħba se tixxandar b’mod dirett fuq TVMSport+.