National Teams
Malta ssofri telfa minima kontra Ċipru f'partita bilanċjata
Published: 11-03-2025 16:01









F’partita ta’ ħbiberija, it-team nazzjonali Malti ta’ Taħt il-15-il sena sofra telfa ta’ 2-0 kontra Ċipru, f’partita li fiha ż-żewġ timijiet kellhom bosta ċansijiet ta’ skor.
Iċ-Ċiprijotti fetħu l-iskor wara biss erba’ minuti, wara li Andreas Pieri evita lill-avversarju dirett tiegħu qabel ma għeleb lil Noah Mulholland.
Mulholland reġa’ kien fl-azzjoni ftit wara meta Aleksandros Skender irċieva l-ballun minn fuq ix-xellug iżda t-tentattiv tiegħu ġie salvat mill-goalkeeper Malti.
Immedjatament wara, il-Maltin ħarbu b’kontrattakk fejn Matthew Higgans xeħet lejn Lukas Wright iżda x-xutt tiegħu għadda minn fuq il-mimduda.
Fid-29 minuta, il-Maltin resqu viċin li jiksbu d-draw meta Wright għeleb lill-goalkeeper avversarju iżda x-xutt tiegħu ġie salvat minn fuq il-linja fatali mid-difiża Ċiprijotta.
Fit-33 minuta, l-avversarji tagħna heddew minn freekick ta’ Pieri li għadda jħakkek mal-lasta.
Żewġ minuti wara, Wright kellu opportunitá li jiskorja meta rċieva l-ballun f’tarf il-kaxxa, avvanza ... iżda l-konklużjoni tiegħu spiċċa barra.
Fit-38 minuta, Ċipru resqu viċin li jirduppjaw wara li d-difiża Maltija naqset li tikklerja cross minn fuq ix-xellug bil-ballun jaqa’ f’saqajn Paris Kimonos iżda mill-qrib falla l-mira.
Wara l-mistrieħ, Ċipru ħarġu aħjar u wara azzjoni tajba, Giannis Argyridis kien żmarkat għal kollox iżda x-xutt tiegħu ħabat mal-lasta.
Fit-52 minuta, Malta ħolqu attakk li fih Higgans qabeż player avversarju u tefa’ lejn Wright bix-xutt tiegħu jiġi salvat minn Giorgos Demetriou.
Madankollu, fis-57 minuta, iċ-Ċiprijotti rduppjaw meta f’taħwida fil-kaxxa tal-Maltin, il-ballun spiċċa f’saqajn Argyris Panayiotou li kien pront u xeħet fix-xibka.
Ċipru komplew jheddu filwaqt li l-Maltin ippruvaw jagħmlu reazzjoni u fil-75 minuta resqu viċin li jnaqqsu l-marġni tal-iskor meta d-daqqa ta’ ras tal-iżmarkat Matteo Mangion spiċċat barra.
Fit-82 minuta, il-Maltin ipproduċew l-aħjar ċans li jsibu x-xibka avversarja meta Kenzil Vella żmarka lil Jayden Roe iżda t-tentattiv tiegħu ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper Demetriou.
Fl-aħħar ħinijiet, il-Maltin ippressaw għall-goal iżda ma setgħux jinfdu lid-difiża Ċiprijotta biex dawn tal-aħħar ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.
Iż-żewġ timijiet se jerġgħu jiltaqgħu l-Ħamis, f’partita oħra ta’ ħbiberija, fis-Centenary Stadium, fis-2.00 pm.
Malta
12 Noah Mulholland (GK), 2 Luke Buttigieg (13 Liam Gatt 65’), 3 Giorgio Cristauro (22 Liam Galea 78’), 4 Zayden Azzopardi (20 Jake Bonnici 65’), 5 Jayden Roe, 6 Matteo Mangion, 7 Cole Zerafa (14 Mateja Stevanovic 46’, 17 Kenzil Vella 78’), 8 Ayrem Aquilina, 9 Lukas Wright, 10 Nicholas Busuttil (C), 11 Matthew Higgans (16 Jerome Gaffiero 78’)
Coach: Jonathan Holland
Ċipru
1 Giorgos Demetriou (GK), 2 Theos Ignatios Kazakaios (C) (20 Panagiotis Siderenios 46’), 3 Marios Epifaniou, 4 Theodoros Panagi (6 Giorgos Makkoulas 39’), 5 Athos Kounounis (13 Ektoras Panayiotou 71’), 7 Konstantinos Aggelidis (9 Giannis Argyridis 46’), 8 Andreas Pieri, 14 Alexandros Skender (10 Argyris Panayiotou 46’), 17 Andreas Christou (15 Giorgos Vattis 65’), 18 Paris Kimonos (11 Filippos Lytras 46’), 19 Giorgis Charalambous (16 Ntemis Dimitris Michail 46’)
Coach: Michalis Ioannou
Ammonit: Matteo Mangion (MLT)