National Teams
Selezzjoni Maltija se tipparteċipa fil-UEFA Regions Cup
Published: 16-08-2022 17:49
Selezzjoni Maltija se tieħu sehem fil-UEFA Regions Cup. Il-kompetizzjoni hija komposta minn timijiet minn 35 assoċjazzjoni nazzjonali li se jikkompetu fi tmien mini-tournaments. Kull rebbieħ tal-grupp imbagħad jikkwalifika għat-tournament finali f'Ġunju 2023.
Il-kompetizzjoni qed terġa' tintlagħab wara li l-edizzjoni 2020/21 kienet ġiet kanċellata minħabba l-pandemija tal-Covid-19. L-aktar edizzjoni riċenti saret fl-2018/19, meta l-Pollakki ta’ Dolny Slask rebħu l-finali u t-tieni titlu kontra Bavaria tal-Ġermanja li ospitaw it-tournament. Iż-żewġ selezzjonijiet se jerġgħu jkunu involuti fl-edizzjoni ta' din is-sena.
Malta ttellgħet fi Grupp 8 flimkien ma’ Split (Kroazja), Belgrad (Serbja), u RAT mill-Ukrajna.
It-team se jkun immexxi mill-coach Alfred Attard, bħalissa Direttur Tekniku ta’ Sliema Wanderers FC. Huwa se jkun assistit minn Clint Tabone, li bħalissa qed iservi bħala Head Coach tan-Nursery ta' Ħal Lija/Iklin. L-ex player u amministratur tal-football ta' esperjenza Kevin Mifsud se jkun it-Team Manager. Il-Malta FA se tkun qed tgħin f’termini ta' setup tat-team.
Il-players se jintgħażlu minn fost players bi status ta' amateur miċ-Challenge League, National Amateur League u Gozo League.
L-ewwel għażla se ssir il-ġimgħa d-dieħla sakemm issir oħra finali qabel it-tournament.
It-tournament se jsir f’Zadar, il-Kroazja u t-tliet partiti ta' Malta se jkunu kif ġej:
MD1 - 28 ta’ Settembru, 2022
MD2 - 1 ta’ Ottubru, 2022
MD3 - 4 ta’ Ottubru, 2022