National Teams

MALTA TIMMIRA LI TKOMPLI TIBNI FUQ IL-LEZZJONIJIET FIL-KONFRONT KONTRA L-LITWANJA

Published: 03-09-2025 17:15
WhatsApp Image 2025-09-03 at 16.17.38 (2).jpeg
WhatsApp Image 2025-09-03 at 16.17.38 (1).jpeg
This article is also available in English.

Lejlet il-partita tar-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026 kontra l-Litwanja, il-coach nazzjonali ta’ Malta, Emilio De Leo,  esprima determinazzjoni u ottimiżmu minkejja t-telfa kbira kontra l-Olanda aktar kmieni f’Ġunju.

Waqt li kien qed jitkellem mal-media, De Leo stqarr li t-telfa kontra l-Olandiżi kienet ferm diżappuntanti, iżda saħaq li dawn il-logħbiet huma parti mill-proċess tat-tkabbir tat-team. “Dawn huma l-logħbiet li nitgħallmu minnhom,” qal il-coach De Leo. “Irridu ngħixuhom, inħossuhom għax dawn jgħallmuna ħafna.” 

De Leo kkonferma li l-identità u l-approċċ ta’ Malta baqgħu l-istess, anke jekk ġew imsejħa tliet players ġodda fil-iskwadra. “Għalkemm għandna wċuh ġodda, l-identità tagħna mhijiex differenti. Il-players reġgħu lura b’aktar rieda u serenità. Il-players ġodda ngħaqdu magħna biss it-Tlieta, u ltaqjna uffiċjalment fil-għaxija, iżda wrew kemm huma tajbin, kemm huma disponibbli u kemm integraw tajjeb.”

It-tliet players ġodda ġabu magħhom esperjenza internazzjonali, għatx u enerġija friska li Emilio De Leo jemmen li se jkunu kruċjali mhux biss għall-partita tal-Ħamis, iżda wkoll għall-iżvilupp fit-tul tat-team nazzjonali. Il-coach enfasizza l-importanza li jinstab bilanċ bejn il-players internazzjonali esperjenzati u t-talenti emerġenti. Din it-taħlita hija meqjusa bħala vitali biex tinbena l-kontinwità - team li jista’ jikkompeti llum filwaqt li jipprepara bil-mod għall-futur.

De Leo semma wkoll ismijiet li qed jispikkaw bħal Keyon Ewurum, Jake Azzopardi u James Sissons, li flimkien ma’ Kean Scicluna jirrappreżentaw il-ġenerazzjoni li jmiss tal-football Malti. “Huma l-wiċċ tat-team nazzjonali ta’ għada,” qal De Leo, u enfasizza li dawn iż-żgħażagħ qed jitgħallmu kuljum mingħand il-veterani ta’ madwarhom.

Madankollu, Malta se jkollha tgħaddi mingħajr xi ismijiet importanti. Kemm Teddy Teuma kif ukoll Matthew Guillaumier huma indisponibbli, u dan iħalli lit-team mingħajr żewġ mexxejja naturali f’nofs il-ground. James Carragher — żieda riċenti li kien addatta malajr mal-ħtiġijiet tal-iskwadra — ukoll mhux se jkun disponibbli. L-assenza tagħhom se tinħass, iżda tiftaħ ukoll il-bieb għal għażliet ġodda u friski.

Hekk kif Malta tħares  lejn l-isfida kontra l-Litwanja, Emilio De Leo rrikonoxxa l-organizzazzjoni soda u l-preżenza fiżika tagħhom. “Il-Litwanja wrew li huma team organizzat ħafna u jilagħbu stil modern ta’ football. Huma żammew rashom mgħollija anke kontra timijiet aktar b’saħħithom. Irridu nkunu intelliġenti biex nikkumpensaw għall-fiżikalità tagħhom u nuru l-kwalitajiet tagħna,” qal De Leo.

Id-difensur, Zach Muscat, li wkoll indirizza din il-konferenza tal-aħbarijet, qabel mal-kummenti tal-coach tiegħu: “Għalkemm il-logħba kontra l-Olanda kienet diffiċli, kien hemm aspetti pożittivi. F’ċerti mumenti ppruvajna nilagħbu l-logħba tagħna, u l-istatistiċi wrew punti interessanti li nistgħu nitgħallmu minnhom. Kontra l-Litwanja rridu nibdlu dawk il-lezzjonijiet f’dawk pożittivi,” qal Muscat. “Il-Litwanja huma qabilna fil-klassifika, iżda aħna naspiraw li nitilgħu aktar. Il-logħba kontra tagħhom riċentement kienet tajba. Kontrihom irridu nibnu fuq dak li għandna.”

Il-logħba se tintlagħab f’Dariaus ir Gireno Stadium, fil-belt ta’ Kaunas, fis-6.00 pm, u se tintwera diretta fuq TVM Sport+.