National Teams

WIRJIET POŻITTIVI MIT-TEAM NAZZJONALI MALTI FIL-FUTSAL WEEK TOURNAMENT FIL-KROAZJA

Published: 26-01-2026 11:10
Malta Futsal vs Greenland (3).jpg
Malta Futsal vs Turkiye.jpg
Malta Futsal vs Greenland (2).jpg
This article is also available in English.

It-Team Nazzjonali Malti tal-Futsal kellu kampanja produttiva fil-Futsal Week Tournament il-ġimgħa li għaddiet, fejn ipproduċa numru ta’ wirjiet impressjonanti.

It-tournament irrappreżenta l-ewwel logħbiet internazzjonali tal-coach il-ġdid Roberto Menichelli. Il-Futsal Week Tournament sar f’Labin, il-Kroazja.

L-ewwel logħba ta’ Malta kienet waħda missielta kontra t-Turkija li spiċċat fi draw eċċitanti ta’ 4-4, b’Collin Sammut, Maicon Da Silva, Luke Gatt u Giancarlo Sammut jiskorjaw għal Malta. Il-logħba eventwalment ġiet bil-penalties, u t-Turkija ħarġu rebbieħa.

Dan kien segwit minn logħba kontra t-team qawwi ta’ Greenland. Minkejja prestazzjoni pożittiva minn Malta, il-logħba spiċċat f’telfa ta’ 6-2, b’Collin Sammut u Nathan Cope jiskorjaw għal Malta.

L-aħħar logħba ta’ Malta, intlagħbet nhar il-Ħadd 25 ta’ Jannar, kontra l-Iskozja. Malta pproduċiet l-aqwa prestazzjoni tagħha tal-kompetizzjoni, fejn kisbet rebħa ta’ 5-2 biex temmet it-tournament b’suċċess. Collin Sammut skorja żewġ goals, filwaqt li Giancarlo Sammut, Aiden Buhagiar u Michael Borg ukoll niżżlu isimhom fuq il-lista tal-iskorers.

It-Team Nazzjonali Malti tal-Futsal irritorna Malta, b’dan it-tournament iservi bħala preparazzjoni kbira qabel il-Kwalifiki Ewropej tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA Futsal 2028, bl-Ewwel Fażi mistennija tintlagħab f’April 2026.