National Teams
MALTA MEGĦLUBA MILL-KROAZJA F’PARTITA KAWTA
Published: 01-12-2025 20:23









LOGĦBA TA' ĦBIBERIJA TAN-NISA
Centenary Stadium, Ta’ Qali
01.12.2025
MALTA…0
KROAZJA…3
(HT 0-1)
41’ Maja Joščak (CRO), 48’ Ivana Rudelić (CRO), 75’ Karla Kurkutović (CRO)
Malta tilfet 3-0 fit-tieni minn żewġ logħbiet internazzjonali ta’ ħbiberija kontra l-Kroazja, nhar it-Tnejn filgħaxija.
Il-logħba bdiet fuq nota kwieta, biż-żewġ naħat jonqsu milli jżommu l-pussess għal perjodi twal.
Il-Kroazja ħolqot l-ewwel opportunità tal-partita, meta Ivana Rudelic irċeviet il-ballun fil-kaxxa, iżda t-tentattiv tagħha ġie salvat b’mod brillanti minn Maya Cachia, ‘il bogħod minn kull periklu.

Malta ppruvat tirreaġixxi, u fit-12-il minuta kellha l-ewwel xutt lejn il-lasta, meta Rachel Cuschieri ippruvat mid-distanza, iżda x-xutt tagħha ġie salvat minn Doris Bacic.
Cachia reġgħet ġiet imsejħa fl-azzjoni fit-13-il minuta, hekk kif Karla Kurkutovic ġriet mal-lemin qabel fajret xutt fil-baxx bil-goalkeeper Maltija issalva b’diffikultá bil-ballun jiġi kklerjat minn fuq il-linja fatali.
Il-goalkeeper Maltija wettqet save ieħor fit-23 minuta, b’xutt nofs volley ta’ Rudelic.
Fis-36 minuta, Maria Farrugia rċeviet il-ballun f’nofs il-ground, u hekk kif għelbet żewġ difensuri Kroati, kompliet il-ballun lejn Cuschieri li x-xutt tagħha ġie mblukkat minn Bacic.

Fil-41 minuta, il-Kroati fetħu l-iskor meta cross mil-lemin, Maja Joscak għoliet fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras xeħtet fix-xibka.
Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Kroazja rduppjaw. Huma sfruttaw pass mitluf f’nofs il-ground biex Rudelic approfittat, avvanzat waħedha u b’xutt fil-baxx xeħtet lill-goalkeeper Maltija fuq in-naħa l-ħażina.

Il-partita saret aktar aggressiva f’nofs il-ground iżda ż-żewġ naħat naqsu li jżommu l-pussess tal-ballun b’mod konsistenti.
Fil-75 minuta, il-Kroati kabbru l-vantaġġ tagħhom, meta cross mix-xellug wasal għand Kurkutovic, li kienet fuq it-tieni lasta u bil-kalma kollha xeħtet fix-xibka.
Il-Maltin ippruvaw jagħmlu reazzjoni iżda l-Kroati baqgħu dixxiplinati biex il-partita ntemmet f’rebħa ta’ 3-0 għall-viżitaturi. Iżda minkejja t-telfa din kienet wirja oħra pożittiva għat-team immexxi mill-coach Manuela Tesse.

Malta
12 Maya Cachia (GK) (23 Patricia Ebejer, 73’), 4 Emma Lipman (C) (13 Maya Lucia, 73’), 5 Stephania Farrugia, 6 Oceane Grange, 7 Sara Saliba, 8 Rachel Cuschieri (17 Brenda Borg, 73’), 10 Maria Farrugia, 14 Shona Zammit (11 Leah Ayres, 80’), 18 Yulya Carella (9 Kailey Willis, 46’), 20 Nicole Sciberras, 22 Rebecca Bajada (3 Georgiana Mifsud, 85’)
Coach: Manuela Tesse
Kroazja
1 Doris Bačić (GK) (C) (23 Ana Ristovski, 85’), 2 Lucia Orkić (7 Petra Mikulica, 85’), 3 Ana Jelenčić, 4 Lucija Vunić (5 Kristina Nevrkla, 80’), 6 Tea Vračević (15 Laura Vlastelica, 80’), 8 Maja Joščak (17 Paula Vidović, 76’), 9 Ivana Rudelić (11 Ivana Slipčević, 76’), 13 Helena Spajić (22 Siena Stambolic, 85’), 19 Janja Čanjevac (10 Izabela Lojna, 85’), 20 Karla Kurkutović (18 Ella Luština, 85’), 21 Barbara Živković
Coach: Nenad Gračan
Referee: Rapjan Xhyra
Ammonita: Laura Vlastelica (K))
Attendenza: 196