National Teams
Malta FA timmira li timxi 'l quddiem biex 2025 tkun 'sena li tibqa' mfakkra' għat-timijiet nazzjonali
Published: 18-02-2025 18:21
Nhar it-Tlieta 18 ta’ Frar 2025, ġiet organizzata konferenza stampa, fis-Centenary Hall, organizzata mill-Malta FA qabel il-waqfa internazzjonali li jmiss hekk kif ġew żvelati l-għanijiet ewlenin dwar it-timijiet tal-Irġiel u tan-Nisa.
Dan kollu intqal mill-President, Bjorn Vassallo, fejn tenna li t-tim tal-Irġiel qed jipprepara bis-sħiħ għal prestazzjonijiet mtejba fil-Kwalifiki Ewropej fil-mira għal riżultati aħjar, kif ukoll titjib fir-rankings tal-FIFA.
It-tim nazzjonali tan-Nisa, qed ifittex il-promozzjoni lura għal League B tal- UEFA Nations League, wara s-suċċess li t-tim kiseb taħt il-coach Manuela Tesse.
Il-President Vassallo żied jgħid li għat-timijiet taż-żgħażagħ, l-għan huwa dejjem li jinħolqu “pedament u mgħoddija sodi” fit-tentattiv li jiġu promossi għat-timijiet tal-kbar.

F’dan ir-rigward, huwa enfasizza li l-Assoċjazzjoni qed taħdem ukoll biex jiżdied in-numru ta’ players li jilagħbu barra l-pajjiż.
“Fil-kwadru kompetittiv tal-football tal-lum, inħossu li l-players għandhom bżonn jilagħbu f’kampjonati aktar b’saħħithom biex jiżviluppaw. Il-players, speċjalment f’età żgħira, dawk li għandhom talent u aktar u aktar is-saħħa mentali biex isiru aħjar milli huma, jeħtieġ li jisfidaw l-istatus quo u jagħmlu l-pass ‘l quddiem,” qal il-President tal-Malta FA.
Huwa ħabbar ukoll li żewġ players, James Carragher u Ilyas Chouaref, li jilagħbu ma’ Wigan Athletic (Ingilterra) u FC Sion (Svizzera), issa saru eliġibbli biex jilagħbu mat-tim nazzjonali tal-kbar permezz tan-nisel tagħhom.
“Ħloqna atmosfera u mentalità pożittiva fit-timijiet nazzjonali tagħna. Akkumpanjat minn żewġ coaches (Emilio De Leo u Manuela Tesse) bi profil għoli u esperjenza vasta, inħossni mistrieħ u kalm bil-mentalitá tagħhom hekk kif flimkien qed nistabilixxu objettivi ogħla li huma appoġġati minn determinazzjoni u konvinzjoni li nistgħu nilħqu l-miri tagħna,” irrimarka l-President Vassallo.
“Aħna nħarsu lejn il-players tagħna u rridu li verament jemmnu li għandhom il-potenzjal li jagħmlu aħjar minn dak li għamilna fil-passat,” huwa qal.
Il-President Vassallo stqarr li peress li l-2025 timmarka l-125 anniversarju tal-Malta FA, hija sena fejn it-timijiet nazzjonali jridu jagħmlu ħilithom biex jagħmluha “waħda li nibqgħu niftakru.”
Il-coach nazzjonali, De Leo, sostna li t-tim nazzjonali tal-Irġiel għandu ċiklu twil quddiemu u huma konxji li fil-proċess se jkun hemm ostakoli u ħafna xogħol iebes.
“Iżda qed noqorbu għal din l-isfida b’determinazzjoni u motivazzjoni kbira,” huwa qal.

“Matul il-perjodu qasir ta’ żmien li ilni hawn, kellna ħafna laqgħat u taħditiet privati mal-players – fi ftit jiem biss irnexxielna niltaqgħu ma’ 37 player. Dan huwa pass importanti biex nibdew nibnu relazzjoni u din hija xi ħaġa li nemmen fiha qabel ma nimbarkaw fuq proġett ġdid. Kellna wkoll sejħiet online mal-players bbażati barra l-pajjiż. Il-konversazzjonijiet tagħna kienu miftuħa ħafna u onesti."
“Il-kunfidenza, l-impenn u l-approċċ intraprendenti huma prinċipji importanti ħafna. Irridu nemmnu b’mod ġenwin li kulma għandna bżonn nistgħu nsibuh ġewwa fina, konvinti li għandna l-ħila li nagħmlu dak li rridu nilħqu. Il-players huma konxji ħafna minn din il-mentalità,” temm jgħid De Leo.
It-tim nazzjonali se jibda l-kampanja ta’ kwalifikazzjoni Ewropea għat-Tazza tad-Dinja 2026 b’partita f’darna kontra l-Finlandja fil-21 ta’ Marzu ... li mbagħad tkun segwita minn logħba barra minn darna kontra l-Polonja fl-24 ta’ Marzu.
Gabriel Mentz mhux se jkun eliġibbli li jilgħab l-ewwel tliet partiti ta’ kwalifikazzjoni wara li ngħata sospensjoni ta’ tliet logħbiet mill-UEFA wara l-karta ħamra li ntwera fl-aħħar partita tal-UEFA Nations League kontra Andorra.
Min-naħa tagħha, il-coach nazzjonali tan-Nisa, Tesse, qalet li t-tim tgħallem mill-kampanja preċedenti fil-UEFA Nations League, u issa jinsab aktar kunfidenti.
“Ninsab ċerta li din il-UEFA Nations League se tkun esperjenza tajba għat-tim tagħna, għax kultant nissottovalutaw kemm aħna b’saħħitna. M’għandniex bżonn naħsbu li aħna inferjuri. Din mhijiex in-normalitá iżda bidu ġdid tal-filosofija tagħna,” hija qalet.

It-tim tan-Nisa se jibda l-kampanja tiegħu tal-UEFA Nations League b’logħba barra minn darna kontra Ċipru, fil-21 ta’ Frar, fl-AEK Arena, li mbagħad tkun segwita minn konfront kontra Andorra fis-Centenary Stadium, fil-25 ta’ Frar.
Il-biljetti għall-partita kontra Andorra jinsabu għall-bejgħ filwaqt li ż-żewġ logħbiet se jintwerew ukoll b’mod dirett fuq TVM Sport+.
Kif ġie żvelat fis-sejħa proviżorja għal dawn il-partiti, it-tim ġie msaħħaħ bl-inklużjoni ta’ tliet players li bħalissa qed jilagħbu barra minn Malta ... b’dawn ikunu Jana Barbara li tilgħab ma’ FC Schalke 04, Fiona Buttigieg li tilgħab ma’ Luton Town, u Ocean Grange tal-club Franċiż RC Roubaix Wervicq Feminin.
“Ilni nsegwi lil dawn il-players għal aktar minn sena u nofs u għaldaqstant ilna nissorveljawhom mill-qrib ħafna,” sostniet Tesse.
Hija rrimarkat li hija partikolarment kuntenta bil-kampjonat tan-nisa lokali dan l-istaġun, “li l-livell tjieb ħafna, u jista’ jgħin lit-tim nazzjonali b’mod sinifikanti.”
Hija għamlet referenza għal numru ta’ tournaments u fixtures li ġejjin għat-timijiet nazzjoni fi gruppi ta’ etajiet differenti, filwaqt li nnotat li dawn se jservu bħala opportunitajiet għall-players Maltin biex jilagħbu kontra timijiet b’saħħithom fit-tentattiv li jkomplu jgħollu l-livell tagħhom.