National Teams
Malta ttemm l-impenji fil-UEFA Nations League tan-Nisa bi draw kontra Andorra
Published: 03-06-2025 22:51





2027 FIFA Women's World Cup - UEFA Women's Nations League - Group C2
Estadio Encamp, Andorra
ANDORRA...0
MALTA...0
(HT 0-0)
Malta temmet il-kampanja tagħha ta’ Grupp C2 tal-UEFA Women’s Nations League bi draw ta’ 0-0 kontra Andorra fl-Estadi de la FAF f’Encamp.
Wara r-rebħa diffiċli kontra Ċipru li aċċertat il-promozzjoni ta’ Malta għa League B, il-coach Manuela Tesse għamlet numru ta’ bidliet.
Stephania Farrugia rritornat fil-formazzjoni inizjali wara tmien xhur barra minħabba injury, filwaqt li Fiona Buttigieg, Rebecca Bajada, Jana Barbara, u Lexine Farrugia ġew inklużi fil-formazzjoni inizjali. Emma Lipman, Emma Xuereb, Maya Lucia, u Shona Zammit kienu fost is-sostituti, filwaqt li Haley Bugeja ma kinitx disponibbli hekk kif serviet sospensjoni ta’ logħba waħda.
Il-Maltin rebħu l-Grupp C2 bi 13-il punt, segwiti minn Ċipru (10), Georgia (6), u Andorra (5).
Wara bidu kwiet, il-logħba ħadet il-ħajja man-nofs siegħa logħob hekk kif minn free-kick fit-tul ta’ Rachel Cuschieri, id-daqqa ta’ ras qawwija ta’ Stephania Farrugia mix-xellug għaddiet tħakkek mal-lasta.
Tliet minuti wara, Cuschieri daħlet tajjeb fuq ix-xellug bil-konkluzjoni tagħha tiġi devjata mid-difiża avversarja u dan wassal biex Andorra ħarbu b’kontrattakk veloċi fejn Maria Ruzafa għaddiet lejn Neus Rosas li kkonkludiet bit-takkuna iżda Rebecca Bajada kklerjat il-periklu fil-ħin.
Fil-35 minuta, minn corner ta’ Maria Farrugia, il-ballun wasal għand Oceane Grange li b’xutt mill-viċin ġiet imċaħħda mill-mimduda.
Tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Tere Morato kellha xutt mill-viċin imblukkat wara free-kick mogħti minn Erica Goncalves filwaqt li ftit wara l-goalkeeper, Alba Martin, salvat tajjeb fuq konklużjoni ta’ Nicole Sciberras minn barra l-kaxxa. Fil-ħin miżjud, minn free-kick mil-lemin ta’ Cuschieri, Stephania Farrugia bir-ras tefgħet ftit barra.
Fit-tieni taqsima, kellna nistennew sad-59 minuta biex naraw azzjoni denja lejn il-lasti hekk kif Lexine Farrugia ttantat xortiha bi free-kick dirett li ġie salvat minn Martin.
Tliet minuti wara, il-Maltin ħelsuha ħafif meta Maria Ruzafa temmet azzjoni tajba b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa li stampa mal-lasta bil-goalkeeper, Maya Cachia, li ħadeet post Janice Xuereb fil-bidu tat-tieni taqsima, megħluba għal kollox.
Għaxar minuti mit-tmiem, Kailey Willis tefgħet ftit għoli bir-ras minn cross ta’ Rachel Cuschieri filwaqt li, fl-aħħar tliet minuti, tentattivi minn Yulya Carella u ta’ Cuschieri ġew innewtralizzati mill-goalkeeper ta’ Andorra.
23 Alba Martin (GK), 6 Tere Morato, 7 Ariana Correia (22 Emma Duro 65’), 8 Maria Da Cruz (9 Marina Muelas 90+1’), 10 Maria Ruzafa (5 Cristina Lacour 72’), 13 Erica Goncalves, 14 Laia Sole, 15 Paula Marques (2 Zoe Planaguma 72’), 18 Neus Rosas, 19 Carla Ber, 20 Laia Sin (11 Gemma Lluch 65’).
Coach: Albert Panadero Garcia
Malta
1 Janice Xuereb (12 Maya Cachia 46’) (GK), 5 Stephania Farrugia, 6 Oceane Grange, 7 Lexine Farrugia (11 Leah Alice Ayres 84’), 8 Rachel Cuschieri, 9 Kailey Willis, 10 Maria Farrugia, 15 Fiona Buttigieg (19 Yulya Carella 69’), 17 Jana Barbara (16 Charlene Zammit 69’), 20 Nicole Sciberras (14 Shona Zammit 46’), 22 Rebecca Bajada.
Coach: Manuela Tesse
Referee: Satu Miettunen (FIN)
Assistant Referees: Laura Koskinen, Jenni Paavolainen (FIN)
Fourth Official: Minka Vekkeli (FIN)
Karti Sofor: J. Barbara, K. Willis, M. Da Cruz