National Teams
Malta tirreġistra double fuq Georgia wara prestazzjoni impekkabbli
Published: 08-04-2025 21:05







Ritratti ta' Craig Camilleri
2027 FIFA Women’s World Cup – UEFA Women’s Nations League – Group C2
Centenary Stadium, Ta’ Qali, 08.04.2025
MALTA...2
GEORGIA...1
(HT 1-0)
39’ Rachel Cuschieri (MLT), 60’ Haley Bugeja (MLT), 84’ Mariam Kalandadze (GEO)
Malta rreġistrat it-tielet rebħa konsekuttiva fil-UEFA Nations League tan-Nisa meta għelbet lil Georgia bl-iskor ta’ 2-1 b’wirja ta’ karattru, nhar it-Tlieta.
Il-logħba kellha bidu kwiet, bl-ebda team ma jirnexxielu jiddomina hekk kif beda jintilef il-pussess tal-ballun.
Iżda Malta kellha l-ewwel opportunitá meta minn azzjoni ta’ corner il-ballun wasal għand Charlene Zammit li għaddiet lil Kailey Willis iżda naqset li tagħmel kuntatt mal-ballun meta kienet f’pożizzjoni ideali.
Fis-36 minuta, Georgia ndirizzaw l-ewwel xutt meta Teona Bakradze ittantat xortiha mid-distanza iżda t-tentattiv tagħha ġie antiċipat minn Janice Xuereb.
Wara li l-Maltin rebħu nofs il-ground, fid-39 minuta, huma fetħu l-iskor meta minn tarf il-kaxxa Rachel Cuschieri fajret kanunata li għeleb għal kollox lill-goalkeeper Tatia Gabunia bil-ballun jispiċċa fis-saqaf tax-xibka.
Lejn tmiem l-ewwel taqsima, Georgia ħasbu li kisbu d-draw meta skorjaw minn azzjoni ta’ corner iżda l-goal ma ġiex konvalidat minħabba foul fuq il-goalkeeper tagħna, biex il-Maltin daħlu jistrieħu b’goal vantaġġ.
Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Maltin resqu viċin li jirdoppjaw meta minn cross fil-baxx, ix-xutt ta’ Willis ġie salvat minn Gabunia.
Fis-60 minuta, it-tfajliet tagħna rduppjaw meta ngħataw penalty wara foul fuq Haley Bugeja fil-kaxxa u mill-11-il metru l-istess player b’xutt qawwi ma żbaljatx.
Il-Maltin baqgħu jiddettaw il-logħob u, fid-69 minuta, setgħu skorjaw it-tielet goal b’zewġ xuttijiet fi spazju ta’ ftit sekondi. L-ewwel meta Cuschieri sabet l-ispazju iżda ġiet imċaħħda mill-goalkeeper avversarja u mbagħad Shona Zammit rat it-tentattiv tagħha minn pożizzjoni diffiċli jiġi salvat minn Gabunia.
Lejn it-tmiem, Georgia bdew iżidu l-pressjoni u, fil-81 minuta, Janice Xuereb kienet providenzjali għal Malta b’save stupend qabel ma l-avversarji laqtu l-lasta minuta wara.
Madankollu, fl-84 minuta, Georgia naqqsu l-marġni tal-iskor meta minn azzjoni ta’ free-kick, Mariam Kalandadze tefgħet il-ballun fix-xibka mill-viċin.
Iżda l-Maltin baqgħu jirreżistu sat-tmiem biex kisbu t-tieni rebħa fuq Georgia fi spazju ta’ ftit jiem.
Malta
1 Janice Xuereb (GK), 5 Oceane Grange, 8 Rachel Cuschieri (C), 10 Maria Farrugia, 11 Kailey Willis (9 Alishia Cassar 80’), 13 Maya Lucia, 14 Shona Zammit, 16 Charlene Zammit, 18 Emma Xuereb, 20 Nicole Sciberras, 21 Haley Bugeja
Coach: Manuela Tesse
Georgia
12 Tatia Gabunia (GK) (C), 2 Gvantsa Kadagishvili, 3 Nino Pasikashvili (9 Maiko Bebia 80’), 4 Nino Chkhartishvili, 6 Natia Danelia, 7 Tatiana Matveeva, 10 Teona Bakradze, 16 Salome Gasviani, 17 Lizi Mtskerashvili, 19 Nino Bukhrikidze (8 Irina Khaburdzania 46’), 21 Mariam Kalandadze
Coach: Iris Antman
Referee: Cansu Tryak (TUR)
Ammoniti: Lizi Mtskerashvili (GEO), Teona Bakradze (GEO)