National Teams
IL-COACH TA’ MALTA DE LEO JSEJJAĦ SKWADRA PROVIŻORJA GĦALL-PLAY-OFF TAL-UEFA NATIONS LEAGUE
Published: 15-03-2026 17:00
Il-coach nazzjonali ta’ Malta, Emilio De Leo, sejjaħ skwadra proviżorja ta’ 31 player għal-logħbiet kruċjali tal-Play-Off tal- UEFA Nations League kontra l-Lussemburgu.
L-ewwel leg se jintlagħab fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali nhar il-Ħamis, 26 ta’ Marzu, filwaqt li l-leg ta’ ritorn se jsir f’Luxembourg City nhar it-Tlieta, 31 ta’ Marzu, biż-żewġ logħbiet jibdew fis-6.00 pm.
Il-promozzjoni għal-League C tal-edizzjoni li jmiss tal-UEFA Nations League tinsab f’riskju, b’Malta tagħmel minn kollox biex tibni fuq il-prestazzjonijiet qawwija tagħha fl-aħħar Kwalifiki Ewropej tat-Tazza tad-Dinja tard is-sena l-oħra.
Il-logħba f’darna se tkun l-ewwel ħarġa uffiċjali ta’ Malta minn mindu t-team immexxi minn De Leo temm il-kampanja ta’ kwalifikazzjoni ta’ Grupp G tat-Tazza tad-Dinja 2026 b’wirja eċċitanti f’telfa f’darna ta’ 3-2 kontra l-Polonja wara rebħa memorabbli ta’ 1-0 barra minn darna kontra l-Finlandja fil-waqfa internazzjonali, f’Novembru li għadda.
Żewġ uċuh ġodda ġew imsejħa fl-iskwadra proviżorja li jinkludu liż-żagħżugħ Shaisen Attard ta’ Hamrun Spartans u Aleandro Garcia ta’ Birkirkara. Attard kien diġà ġie msejjaħ mat-team nazzjonali lura fl-2024 iżda din hija l-ewwel sejħa tiegħu mill-coach De Leo.
L-iskwadra tara wkoll ir-ritorn tal-koppja ta’ Valletta, Jake Azzopardi u Andrea Zammit, flimkien mal-eks sieħbu tat-team Keyon Ewurum, issa fuq il-kotba tal-club Taljan, Torino, u James Sissons, bħalissa ma’ Chesterfield FC filwaqt li Carlo Zammit Lonardelli ta’ Floriana jirritorna wkoll wara injury.
Il-player ta’ Hamrun Spartans Joseph Mbong se jitlef il-logħba f’darna kontra l-Lussemburgu peress li jrid jiskonta sospensjoni ta’ logħba waħda.
L-għażla ta’ De Leo tinkludi wkoll diversi membri b’esperjenza, inkluż numru inkoraġġanti ta’ players barranin li se jkunu qed jiggwidaw u jispiraw lil sħabhom żgħazagħ fit-team hekk kif Malta qed tfittex il-promozzjoni għal League C.
Malta qed tikkontesta din il-Play-Off tal-UEFA Nations League wara li spiċċat fit-tieni post fi Grupp D2 tal-UEFA Nations League 2024-25 filwaqt li l-Lussemburgu kisbu post fil-play-off bħala wieħed mill-aqwa timijiet fir-raba’ post mil-League C.
L-iskwadra proviżorja hija:
Goalkeepers
Henry Bonello (Ħamrun Spartans FC), Rashed Al Tumi (Sliema Wanderers FC), James Sissons (Chesterfield FC - ENG), Matthias Debono (Naxxar Lions FC).
Difensuri
Zach Muscat (Chaves FC - POR), Juan Carlos Corbalan (Marsaxlokk FC), Kurt Shaw (Hibernians FC), Enrico Pepe (Marsaxlokk FC), Jean Borg (Sliema Wanderers FC), James Carragher (Wigan Athletic FC – Ingilterra), Gabriel Mentz (Gżira United FC), Aleandro Garzia (Birkirkara FC), Ryan Camenzuli (Ħamrun Spartans FC), Myles Beerman (Floriana FC), Carlo Zammit Lonardelli (Floriana FC).
Midfielders
Matthew Guillaumier (Ħamrun Spartans FC), Brandon Diego Paiber (Valletta FC), Alexander Satariano (Athens Kallithea FC - Greċja), Yannick Yankam (Valletta FC), Jake Azzopardi (Valletta FC), Teddy Teuma (Standard de Liege – Belġju), Adam Magri Overend (Sliema Wanderers FC), Jake Grech (Floriana FC).
Attakkanti
Joseph E. Mbong (Ħamrun Spartans FC)*, Paul Mbong (Floriana FC), Ilyas Chouaref (Sion FC – Svizzera), Shaisen Attard (Ħamrun Spartans FC), Irvin Cardona (AS Saint-Étienne – Franza), Trent Buhagiar (Tampines Rovers – Singapore), Keyon Ewurum (Torino FC), Andrea Zammit (Valletta FC).
*sospiż għall-partita tal-ewwel leg kontra l-Lussemburgu