National Teams

Malta tirkupra b'rebħa missielta fuq Andorra

Published: 25-02-2025 21:35
Malta 1-0 Andorra - 25-02-25 (4).jpeg
Malta 1-0 Andorra - 25-02-25 (2).jpeg
Malta 1-0 Andorra - 25-02-25 (5).jpeg
Malta 1-0 Andorra - 25-02-25 (3).jpeg
Malta 1-0 Andorra - 25-02-25 (1).jpeg
This article is also available in English.

Ritratti ta' Andre Farrugia

UEFA WOMEN’S NATIONS LEAGUE
Centenary Stadium, 25.02.2025

 

MALTA...1
ANDORRA...0
(HT 1-0)
11’ Shona Zammit (MLT)

 

It-Team Nazzjonali tan-Nisa rreġistra l-ewwel tliet punti minn Grupp C2 tal-UEFA Nations League wara rebħa missielta ta’ 1-0 fuq Andorra, fis-Centenary Stadium.

Il-Maltin bdew fuq nota pożittiva meta rebħu l-inizjattiva u l-pussess tal-ballun u kienu wkoll pronti li jattakkaw. 

L-isforzi tagħhom ħallew il-frott mixtieq, hekk kif fil-11-il minuta, cross ta’ Haley Bugeja sab lil Alishia Cassar, iżda t-tentattiv tagħha ġie mblukkat, qabel ma waqa’ għand Shona Zammit, li mir-rebound xeħtet  il-ballun fix-xibka u lill-Maltin fil-vantaġġ. 

Fis-16-il minuta, it-tfajliet tagħna resqu viċin li jirduppjaw meta Bugeja sabet l-ispazju fit-tarf tal-kaxxa l-kbira u venvnet xutt bid-dawra li għadda ftit barra.

Fid-19-il minuta, Lexine Farrugia xeħtet cross insidjuż minn fuq ix-xellug li sab lil Bugeja iżda  l-konklużjoni tagħha spiċċat tħakkek mal-lasta.  

It-team ospitu reġa’ resaq viċin li jsib ix-xibka, meta mill-free-kick ta’ Rachel Cuschieri, Emma Lipman ixxuttjat ċentrali biex il-ballun spiċċa f’idejn il-goalkeeper ta’ Andorra, Alba Martin. 

Il-Maltin baqgħu jamministraw il-vantaġġ sa tmiem l-ewwel taqsima bl-avversarji jsibuha diffiċli biex jegħlbu lid-difiża Maltija. 

Il-bidu tat-tieni taqsima kien wieħed bilanċjat, bil-players ta’ Andorra jikbru fil-kunfidenza u bdew jissieltu aktar għall-ballun.

Peró, b’mod gradwali l-Maltin reġgħu rebħu l-inizjattiva u f’nofs it-tieni taqsima, Lexine Farrugia qabżet lid-difensura diretta tagħha, qabel ma xeħtet cross perikoluż iżda ma sabet lil ħadd minn sħabha biex setgħu jikkonkludu.

Eventwalment, Andorra bdew jirriorganizzaw u saħansitra bdew jirbħu d-dwelli f’nofs il-ground iżda ma setgħux jibdu l-kostruzzjoni offensiva lejn il-lasti Maltin. 

Fl-aħħar stadji, il-Maltin kienu kuntenti jikkontrollaw is-sitwazzjoni bil-konsegwenza li Andorra naqsu jagħmlu xi forma ta’ pressjoni, bil-Maltin iżommu l-vantaġġ minimu sat-tmiem.

 

Malta

1 Janice Xuereb (GK), 4 Emma Lipman (16 Charlene Zammit 46’), 5 Oceane Grange, 7 Lexine Farrugia, 8 Rachel Cuschieri (C), 9 Alishia Cassar (3 Jade Flask 46’), 10 Maria Farrugia, 13 Maya Lucia, 14 Shona Zammit, 15 Fiona Buttigieg (18 Emma Xuereb 59’), 21 Haley Bugeja (20 Nicola Sciberras 81’)

Coach: Manuela Tesse

Andorra

23 Alba Martin (GK), 2 Zoe Pianaguma (19 Carla Ber 71’), 4 Aitana Colobrans, 6 Teresa Armengol, 10 Maria Ruzafa (11 Ariadna Pernia 62’), 13 Erica Gonçalves (C), 14 Laia Sole Palau, 15 Paula Marques (7 Ariana Correia 62’), 17 Chloe Izquierdo, 18 Neus Rosas, 20 Laia Sin

Coach: Albert Panadero Garcia

Referee: Teresa Oliveira (POR)

Karti sofor: Shona Zammit, Charlene Zammit (MLT), Ariana Correia (AND)