National Teams
Malta megħluba mill-Italja minkejja prestazzjoni kombattiva
Published: 11-03-2025 21:09







UEFA EURO Futsal Main Round
Tal-Qroqq University Sports Hall, 11.03.2025
Malta...1
Italja...5
It-team nazzjonali Malti tal-Futsal tilef ir-raba’ partita tal-Main Round tal-Kampjonat Ewropew 2026, hekk kif safa megħlub mill-Italja bl-iskor ta’ 5-1 fis-Sala Sportiva tal-Università, f’Tal-Qroqq.
L-Italja mill-ewwel urew l-intenzjonijiet ċari tagħhom u fetħu l-iskor permezz ta’ Julio de Oliveira b’xutt fil-baxx.
Il-Maltin għamlu l-iskor indaqs permezz taż-żagħżugħ Collin Sammut li wara li rċieva mingħand Maicon, ra l-ewwel xutt tiegħu jiġi salvat minn Dalcin qabel ma l-istess player xeħet fix-xibka mir-rebound.
Il-Maltin iddeċidew li jużaw flying keeper u dan ippermetta lit-Taljani japprofittaw u jiskorjaw it-tieni goal permezz ta’ Gabriel Motta.
Fl-aħħar sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima, Murilo Schiochet għamilhom 3-1.
Fit-tieni taqsima, it-Taljani baqgħu jiddominaw u skorjaw ir-raba’ goal meta wara freekick, il-ballun ħabat mal-lasta u spiċċa f’saqajn Motta biex mir-rebound irreġistra doppjetta personali.
Disa’ minuti mit-tmiem, l-Italja resqu viċin li jiskorjaw il-ħames goal iżda x-xutt ta’ Merlim ħabat mal-mimduda.
Madankollu huma ssiġillaw ir-rebħa lejn it-tmiem wara li Italo Rossetti xeħet wara Clint Mifsud.
It-team Malti, issa se jilgħab kontra l-Finlandja barra minn xtutna, fl-10 ta’ April 2025.
Malta
Clint Mifsud, Michael Borg, Mark Zammit, Maikinho, Marwan Telisi, Matthias Borg, Dylan Pace, Giancarlo Sammut, Luke Anthony Borg, Luke Gatt, Dale Valletta, Nathan Cope, Karl Schembri, Collin Sammut.
Italja
Dalcin, Italo Rosseti, Venancio, Alex Merlim, Murilo Schiochet, Jurij Bellobuono, Antonio Molaro, Enrico Donin, Julio de Oliveira, Gabriel Motta, Alessio Saponara, Lorenzo Etzi, Michele Podda, Antonino Isgro.
Referee 1 – Zyl Robert Fred Sheriff (Ġibiltá)
Referee 2 – Valentin Ciuplea (Wales)
Referee 3 – Alan Patchell (Irlanda)
Timekeeper – Andrea Naudi (Malta)