National Teams
TAZZA TAD-DINJA 2027: IL-MALTIN ISIBUHA DIFFIĊLI FIT-TELFA KONTRA L-ISVIZZERA
Published: 07-03-2026 22:48






2027 Tazza tad-Dinja – Kwalifikazzjoni tal-Ewropa - Grupp B2
Centenary Stadium, 07.03.2026
MALTA...1
SVIZZERA...4
(HT 1-3)
7' Iman Beney (SUI), 9' Alisha Lehmann (SUI), 19' Maria Farrugia (MLT), 38' Svenja Folmi, 73' Aurelie Csillag (SUI)
It-team nazzjonali tan-nisa sofra t-tieni telfa tiegħu fil-fażi tal-kampjonat tat-Tazza tad-Dinja, Grupp B2, meta safa megħlub bl-iskor ta’ 4-1 mill-Isvizzera, fis-Centenary Stadium.

Fl-ewwel partita tas-sena f’pajjiżna, it-team Malti kien qed jittama li jirkupra wara t-telfa ta’ nofs il-ġimgħa barra minn xtutna kontra t-Turkija. Madankollu l-Isvizzeri kienu avversarju aktar diffiċli, wara prestazzjonijiet kredibbli fil-UEFA Women’s Euro 2024 fejn kienu wkoll pajjiż ko-ospitanti.
Kif mistenni, l-Isvizzera bdew b’saħħithom u wara ħames minuti ħolqu l-ewwel ċans meta pass fit-tul minn Svenja Folmli sab lil Alisha Lehmann, iżda x-xutt tagħha ġie salvat minn Giulia D’Antuono. Żewġ minuti wara, l-Isvizzera marru fil-vantaġġ b’xutt baxx mill-isbaħ ta’ Iman Beney li spiċċa fir-rokna t’isfel tax-xibka.
Żewġ minuti wara, l-iskor sar 2-0 biss meta Lehmann għelbet faċilment lil D’Antuono f’sitwazzjoni ta’ waħda kontra wadħda. Fil-15-il minuta, cross fil-baxx ta’ Geraldine Reuteler ġie kklerjat mid-difiża Maltija hekk kif il-pressjoni kompliet tiżdied.
Madankollu Malta reġgħet daħlet fil-partita b’goal mill-aqwa ta’ Maria Farrugia li minn angolu diffiċli dawret il-ballun fix-xibka biex għelbet lill-goalkeeper, Livia Peng, u naqqset id-distakk għall-ospiti. Ir-reazzjoni tal-Isvizzeri kienet waħda mmedjata b’xutt ta’ Leila Wandeler li għadda ftit għoli. Fis-26 minuta, daqqa ta’ ras ta’ Noelle Maritz Riesen ġiet imblukkata b’mod brillanti minn D’Antuono.

L-Isvizzeri komplew joħolqu ċ-ċansijiet u fit-28 minuta free-kick ta’ Beney ġie salvat tajjeb minn D’Antuono li kienet qed iżżomm lil Malta fil-partita.
Fit-30 minuta, il-Maltin kellhom opportunitá meta Haley Bugeja għaddiet lejn Farrugia, iżda x-xutt tagħha ġie devjat għal corner. Farrugia kienet żmarkata fil-kaxxa iżda ma rnexxilhiex tikkonverti, hekk kif Malta kompliet toħloq okkażjonijiet tajbin.
Madankollu l-Isvizzera reġgħu fetħtu vantaġġ ta’ żewġ goals fit-38 minuta meta Folmli ma ħafritz wara pass eċċellenti.
It-tieni taqsima bdiet fuq l-istess ritmu bl-Isvizzera jżidu l-pressjoni fl-attakk. Fit-53 minuta xutt fil-baxx ta’ Aurélie Csillag ġie salvat tajjeb minn D’Antuono. Ir-raba’ goal wasal fit-73 minuta meta Csillag għamlet ġirja personali mill-aqwa u sparat xutt angolat li għeleb lil D’Antuono.
Il-partita ntemmet 4-1 favur il-viżitaturi, minkejja prestazzjoni enerġetika mit-team immexxi mill-coach Manuela Tesse, li affronta wieħed mill-aqwa timijiet fl-Ewropa.
Malta
Giulia d’Antuono, Emma Sophia Flannery (Shona Zammit 58’), Emma Lipman, Stefania Farrugia, Lexine Farrugia, Maria Farrugia, Jade Flask, Maya Lucia (Yulya Carrella 70’), Brenda Borg, Haley Bugeja, Leah Ayres (Kailey Willis 78’).
Coach: Manuela Tesse
Svizzera
Livia Peng, Noelle Maritz, Geraldine Reuteler, Nadine Riesen, Sydney Schertenleib (Seraina Piubel 75’), Lia Walti, Leila Wandeler (Ana-Maria Crnogorcevic 62’), Svenja Folmli (Aurelie Csillag 46’), Viola Calligaris, Iman Beney (Lila Egli 84’), Alisha Lehmann (Riola Xhemaii 62’).
Coach: Rafel Navarro
Referee: Jelena Medjedovic (SRB)