National Teams

GOALS LEJN IT-TMIEM ITEMMU KULL TAMA TAL-MALTIN

Published: 12-10-2025 20:57
MLT 1-4 BIH (16).jpeg
MLT 1-4 BIH (15).jpeg
MLT 1-4 BIH (14).jpeg
MLT 1-4 BIH (13).jpeg
MLT 1-4 BIH (12).jpeg
MLT 1-4 BIH (11).jpeg
MLT 1-4 BIH (10).jpeg
MLT 1-4 BIH (9).jpeg
MLT 1-4 BIH (8).jpeg
MLT 1-4 BIH (6).jpeg
MLT 1-4 BIH (5).jpeg
MLT 1-4 BIH (4).jpeg
This article is also available in English.

LOGĦBA INTERNAZZJONALI TA' ĦBIBERIJA
12.10.2025
Stadium Nazzjonali, Ta’ Qali

MALTA…1
BOSNJA-HERZEGOVINA…4
(HT 0-1)

16’ Amar Memić (BIH), 53’ Haris Tabaković (BIH), 60’ Paul Mbong (MLT), 84’ Benjamin Tahirović (BIH), 86’ Nail Omerović (BIH)

Malta sfat megħluba bl-iskor ta’  4-1 f’partita internazzjonali ta’ ħbiberija kontra Bosnja-Herzegovina, nhar il-Ħadd filgħaxija, minkejja li wriet prestazzjoni kuraġġuża, iżda sofriet żewġ goals tard fil-logħba li taw il-vantaġġ sostanzjali lill-viżitaturi.

Qabel il-bidu tal-partita, saret ċerimonja speċjali biex jiġu ppreżentati tifkiriet lil Steve Borg u Frankie Ciantar, biex tiġi mfakkra l-kontribuzzjoni eċċelletni tagħhom mat-Team Nazzjonali. Il-partita kontra Bosnja Herzegovina kienet it-82 u l-aħħar dehra ta’ Borg bil-kuluri nazzjonali, li għalqet karriera distintiva  għal Malta. Ciantar, il-kit manager tat-Team Nazzjonali ‘A’, laħaq 100 partita mal-istess team waqt il-logħba kontra l-Olanda, nhar il-Ħamis li għadda.

Malta bdiet il-partita fuq nota pożittiva u dehret komda ħafna bil-ballun fejn  kellha wkoll il-maġġoranza tal-pussess fl-ewwel minuti.

Madankollu, kontra x-xejra tal-logħob, fis-16-il minuta, il-Bosnja marru fil-vantaġġ meta pass fit-tul sab lil Amar Memic, li spara xutt qawwi u għeleb lil Henry Bonello.

Dan il-goal ta lill-viżitaturi aktar kunfidenza, kienu aktar insidjuzi u saħansitra kellhom goal imħassar f’nofs l-ewwel taqsima.

Malta kellha opportunità tad-deheb biex tikseb il-goal tad-draw fis-36 minuta, meta cross minn Teddy Teuma sab lil Ilyas Chouaref fuq it-tieni lasta, iżda dan tal-aħħar naqas milli jolqot sewwa bir-ras biex it-tentattiv tiegħu spiċċa barra.

Minkejja l-pressjoni fuq id-difiża ta’ Bosnja, Malta ma rnexxilhiex tiksib il-goal tad-draw qabel il-mistrieħ, biex il-Bosnjaċi daħlu jistrieħu fil-vantaġġ ta’ goal. 

Kmieni fit-tieni taqsima, il-Bosnja rduppjaw il-vantaġġ meta Haris Tabakovic approfitta minn azzjoni mejta fil-kaxxa u spara fix-xibka.

Il-viżitaturi kienu qrib li jżidu ieħor ftit minuti wara, meta Tabakovic ġie waħdu quddiem il-lasta, iżda Bonello salva b’mod mill-aqwa b’saqajh biex ċaħħadhom mit-tielet goal.

Malta ppruvat tagħmel reazzjoni u fid-59 minuta kienet viċin ħafna li tnaqqas id-distakk meta Chouaref għadda lejn Irvin Cardona, iżda dan ġie mblukkat fil-ħin.

Iżda ftit sekondi wara, Malta naqqset il-marġni tal-iskor meta ġiet mogħtija penalty wara foul fil-kaxxa. Paul Mbong ħa r-responsabbiltà u mill-11-il metru ma żbaljax.

Ftit minuti wara, Malta kienet viċin li tikseb id-draw meta cross ta’ Chouaref sab lil Cardona, iżda dan ma rnexxilux jindirizza bir-ras lejn il-lasta.

Malta kompliet tippressa, iżda dan ħalla l-ispazji fid-difiża u fl-84 minuta Benjamin Tahirovic skorja t-tielet goal għal Bosnja.

Żewġ minuti wara, il-viżitaturi ssiġillaw ir-rebħa meta wara żewġ saves konsekuttivi ta’ Bonello, Nail Omerovic fajjar xutt li spiċċa fix-xibka. 

Il-partita ntemmet bi skor ta’ 4-1 favur il-Bosnja, minkejja l-isforzi tal-Maltin mill-bidu sa tmiem il-partita. 

Malta
1 Henry Bonello (GK), 3 Ryan Camenzuli (21 Juan Corbalan, 46’), 4 Steve Borg (C) (5 Kurt Shaw, 1’), 6 Matthew Guillaumier (20 Brandon Paiber, 41’), 8 Paul Mbong (24 Basil Tuma, 90’), 9 Ilyas Chouaref, 10 Teddy Teuma, 11 Irvin Cardona, 13 Enrico Pepe, 22 Zach Muscat (7 Joseph Mbong, 90’), 23 Alexander Satariano (19 Jodi Jones, 61’)
Coach: Emilio De Leo

Bosnja-Herzegovina
22 Martin Zlomislić (GK), 3 Dennis Hadžikadunić, 5 Esmir Bajraktarević (20 Nail Omerović, 71’), 7 Amar Dedić (C) (6 Benjamin Tahirović, 46’), 9 Samed Baždar (8 Armin Gigović, 71’), 13 Ivan Bašić, 14 Ivan Šunjić (23 Luka Menalo, 46’), 15 Amar Memić (19 Kerim Alajbegović, 67’), 16 Adrian Leon Barišić (18 Nikola Katić, 71’), 17 Dzenis Burnić, 24 Haris Tabaković
Coach: Sergej Barbarez