National Teams

WIRJA BRILLANTI FL-EWWEL TAQSIMA TISSIĠILLA REBĦA GĦAL MALTA

Published: 09-09-2025 23:13
MLT SMA 08.jpeg
MLT SMA 09.jpeg
MLT SMA 04.jpeg
MLT SMA 02.jpeg
MLT SMA 07.jpeg
MLT SMA 01.jpeg
This article is also available in English.

LOGĦBA INTERNAZZJONALI TA' ĦBIBERIJA
09.09.2025, Stadium Nazzjonali, Ta’ Qali

MALTA…3
SAN MARINO…1
(HT 3-1)

1-0 Cardona 5', 2-0 Muscat 11', 3-0 P.Mbong 34', 3-1 Nanni, pen, 45+2'.

Wara l-wirja pożittiva fil-logħba ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026, kontra l-Litwanja l-Ħamis li għadda (1-1), it-team nazzjonali Malti kiseb l-ewwel rebħa tas-sena kalendarja meta għeleb lil San Marino 3-1 f’logħba ta’ ħbiberija f’Ta’ Qali. Il-goals kollha waslu fl-ewwel taqsima b’wirja brillanti li pprovdiet spettaklu ta’ football offensiv li paxxa li kulħadd.

Meta mqabbla mal-logħba barra minn xtutna, f’Kaunas, il-coach nazzjonali, Emilio De Leo, bidel żewġ pożizzjonijiet fil-formazzjoni inizjali. Fil-pożizzjoni ta’ difensur xellugi, Juan Corbalan beda minflok Myles Beerman, filwaqt li Matthew Guillaumier, li kien sospiż kontra l-Litwanja, lagħab minflok Brandon Paiber. Guillaumier kien il-captain ta’ Malta f’din il-logħba internazzjonali ta’ ħbiberija, li sfortunatament rat lil Irvin Cardona jitkeċċa, u dan ifisser li se jitlef il-logħba ta’ kwalifikazzjoni kontra l-Olanda x-xahar id-dieħel. Fuq nota pożittiva, fit-tieni taqsima, il-midfielder ta’ Valletta, Yannick Yankam, għamel ir-ritorn tiegħu, flimkien ma’ Kemar Reid, Jean Borg u Gabriel Mentz.

Malta kellha bidu mill-aqwa meta wara biss ħames minuti logħob, Cardona rnexxielu jeħles mid-difensur dirett tiegħu Michele Cevoli b’mossa eleganti, avvanza fil-qalba tad-difiża ta’ San Marino u venven xutt qawwi minn madwar 20 metru li spiċċa fix-xibka. Dan kien l-ewwel goal internazzjonali tal-attakkant ta’ St Etienne fit-tieni dehra tiegħu ma’ Malta.

Fil-11-il minuta, il-Maltin irdoppjaw. Ilyas Chouaref ġie servut fil-kaxxa iżda t-tentattiv tiegħu ġie kklerjat ħażin lejn Cardona li kompla lejn Guillaumier bix-xutt tiegħu jiġi devjat minn Zach Muscat għal ġox-xibka. Fit-23 minuta, free-kick ta’ Chouaref kważi ħasad għal kollox lil Eduardo Colombo bil-goalkeeper ta’ Gżira United jimblokka dan it-tentattiv.

It-tielet goal ta’ Malta wasal fil-minuta 34 meta Muscat xeħet cross fit-tul lejn Paul Mbong li għeleb lid-difensur dirett tiegħu u bil-kalma kollha kkonkluda fix-xibka.  Ftit wara, b’azzjoni personali f’nofs il-ground, huwa serva lil Mbong li ġiegħel lil Colombo jwettaq save b’mod spettakolari. 

Iżda fit-43 minuta, Cardona u Filippo Berardi ta’ San Marino ġew f’battibekk u  ġew imkeċċija mir-referee Rumen. Fil-ħin miżjud, San Marino naqqsu d-distakk meta Satariano kkommetta foul fuq Andrea Contadini. Nicola Nanni ħa r-responsabbiltà u għeleb lil Bonello mill-11-il metru, biex il-Maltin daħlu jistrieħu fil-vantaġġ ta’ 3-1.

It-tieni taqsima kienet ferm inqas eċċitanti, b’numru ta’ sostituzzjonijiet miż-żewġ naħat, kif wieħed jistenna f’logħbiet ta’ ħbiberija internazzjonali. Tmien minuti wara l-mistrieħ Chouaref kważi żied ieħor għal Malta minn pożizzjoni angolata, iżda x-xutt tiegħu spiċċa ftit barra.

Fit-68 minuta, Chouaref sab lil Adam Magri Overend fil-kaxxa ż-żgħira u serva lil Kemar Reid li kien f’pożizzjoni ideali biex jikkonkludi, iżda l-player ta’ Birkirkara tilef il-bilanċ biex iċ-ċans intilef. Ftit wara, Henry Bonello wettaq save kbir fuq  Lorenzo Cappichioni, li deher waħdu quddiem il-goalkeeper ta’ Hamrun Spartans ... bl-aqwa opportunità ta’ San Marino biex inaqqsu d-distakk.

L-aħjar ċans għal Malta fit-tieni taqsima waslet fil-minuta 72, meta b’ġirja veloċi, Chouaref  għeleb lid-difensur dirett tiegħu, iżda Colombo dawwar it-tentattiv tal-player ta’ FC Sion f’corner.

Fit-88 minuta, Reid serva lil Magri Overend fuq il-lemin bix-xutt fil-baxx tiegħu għadda jħakkek mal-lasta.

Il-partiti li jmiss ta’ Malta huma kontra l-Olanda fid-9 ta’ Ottubru, logħba ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026, segwita minn logħba ta’ ħbiberija kontra Bosnia Herzegovina, tlett ijiem wara, it-tnejn f’Ta’ Qali.

Malta
Henry Bonello, Kurt Shaw, Zach Muscat (Myles Beerman 73), Enrico Pepe (Jean Borg 46), Juan Corbalan (Gabriel Mentz 86), Joseph Mbong (Adam Magri Overend 64), Matthew Guillaumier, Alex Satariano (Yannick Yankam 64), Ilyas Chouaref, Paul Mbong (Kemar Reid 64), Irvin Cardona.~
Coach: Emilio De Leo

San Marino
Eduardo Colombo, Alessandro Tosi (Marino Salicioni 58), Filippo Fabri (Marco Pasolini 46), Michele Cevoli (Giacomo Valentini 58), Simone Giocondi, Samuele Zannoni, Lorenzo Capicchioni (Matteo Valli Casadei 75), Marcelo Mularoni (Alberto Riccardi 58), Filippo Berardi, Andrea Contadini, Nicola Nanni (Nicolas Giacopetti 66).
Coach: Roberto Cevoli

Referee
Andrei Chivulete (Rumanija)

Karti Ħomor
Berardi (SM), Cardona (M) 43’

Karti Sofor
Capiccioni (SM), Satariano (M)