National Teams
Gabriel Dobre se jħalli l-irwol ta' Coach tat-Team Nazzjonali tal-Futsal
Published: 07-08-2025 09:46
Il-Malta Football Association tħabbar li l-kuntratt ta’ Gabriel Dobre bħala l-Coach Ewlieni tat-Team Nazzjonali Malti tal-Futsal mhux se jiġi estiż.
Is-Sur Dobre ħa t-tmexxija tat-team f’Settembru tal-2023, inizjalment fuq bażi interim. Il-kuntratt tiegħu mbagħad ġie estiż għall-istaġun 2024/25.
It-tmexxija tas-Sur Dobre kienet kapitlu storiku għall-Futsal Malti. Taħt il-gwida tiegħu, it-team kiseb kwalifikazzjoni storika għar-round ta’ kwalifikazzjoni f’kompetizzjoni tal-UEFA — l-ewwel darba fl-istorja tiegħu — pass sinifikanti fil-vjaġġ tal-futsal Malti.
B’mod partikulari, it-team kiseb ukoll l-akbar rebħa kompetittiva tiegħu, dik ta’ 8-0 kontra Ġibiltá, fil-11 ta’ April, 2024, f’Bern, l-Isvizzera.
Il-Malta FA tesprimi l-gratitudni sinċiera tagħha lejn is-Sur Dobre għall-impenn u l-kontribut tiegħu lejn il-futsal Malti u tixtieqlu kull suċċess fil-karriera tiegħu fil-futur.
Issa, l-Assoċjazzjoni se tibda l-proċess tar-reklutaġġ għal coach nazzjonali ġdid.