National Teams
Il-Maltin isalvaw ir-riżultat b’wirja eċċellenti fit-tieni taqsima
Published: 21-03-2025 17:59





L-ewwel partita ta’ ħbiberija (minn tnejn) tat-team nazzjonali Malti ta’ Taħt it-18-il sena kontra l-Litwanja spiċċat fi draw ta’ 2-2, bl-avversarji jkunu aħjar fl-ewwel taqsima iżda wara l-mistrieħ il-Maltin kienu aktar aggressivi.
Wara biss ħames minuti, Kai Bartolo seta’ fetaħ l-iskor għall-Maltin iżda waħdu quddiem il-goalkeeper, Ernestas Lysionok, naqas li jitfa’ fix-xibka.
Madankollu, fil-11-il minuta, kien Armandas Raudonis li poġġa lill-viżitaturi fil-vantaġġ permezz ta’ daqqa’ ras minn azzjoni ta’ corner filwaqt li, fl-24 minuta, il-Litwanja ngħataw penalty meta l-captain ta’ Malta, Sheldon Borg, waqqa’ lil Kasparas Sacevicius fil-kaxxa, bi Brooklyn Leipus jirdoppja mill-11-il metru.
Fl-34 minuta, il-winger Jean Borg kellu ċans tajjeb minn pożizzjoni angolata iżda falla l-mira fit-tentattiv biex jegħelb lill-goalkeeper Litwan.
Lejn tmiem l-ewwel taqsima, il-Maltin gawdew aktar mill-pussess tal-ballun u fl-40 minuta resqu viċin iżda mill-freekick ta’ Borg ħadd minn sħabu ma rnexxielu jagħmel kuntatt mal-ballun.
Erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Vakaris Berenta laqat il-lasta meta l-goalkeeper Malti, Carlos Camilleri, dam biex ħareġ minn postu bl-istess Berenta jimblukkalu l-ballun li kien ferm viċin li jispiċċa fix-xibka.
Il-Maltin bdew jiddettaw il-logħob u fis-57 minuta, Bartolo ra lill-goalkeeper avversarju jdawwar f’corner it-tentattiv tiegħu.
Iżda minuta wara, il-Maltin naqqsu l-marġni tal-iskor minn Kai Bartolo li xeħet il-ballun f’lasta vojta wara xogħol tajjeb ta’ Thomas Melillo.
Fit-62 minuta, il-Malti setgħu kisbu d-draw minn Jake Borg u żewġ minuti wara, il-goalkeeper Litwan, kien attent biex salva x-xutt ta’ Melillo.
Fis-76 minuta, Carlos Camilleri, imblokka fuq Dovydas Sasnauskas li kellu opportunitá li jżid l-iskor. Tliet minuti wara, Keyon Ewurum resaq viċin il-goal tad-draw minn cross ta’ Jake Borg iżda l-goalkeeper, Ernastas Lysionok, wettaq save mill-aqwa.
Madankollu, fil-85 minuta, Malta kisbu d-draw meta Melillo venven xutt mid-distanza li ġie devjat minn difensur Litwan li qarraq għal kollox b’Lysionok.
Iż-żewġ timijiet jerġgħu jiltaqgħu l-Ħadd wara nofs in-nhar għat-tieni partita ta’ ħbiberija, fl-4.00 pm.
Malta
Carlos Camilleri, Drew Sammut (Dejan Farrugia 46), Jayden Vella (Amin Malik 68), Liam Micallef (Christian Vella Gonzalez 68), Sheldon Borg, Denzel Bugeja, Harry Gettins (Adam Vella 46), Thomas Melillo (Jerome Baldacchino 88), Kai Bartolo (Emerson Piscopo 83), Keyon Ewurum (Nathan Zerafa 83), Jean Borg (Jake Borg 46)
Coach: Stefano Grima
Litwanja
Ernastas Lysionok, Armandas Raudonis, Matas Klimas, Dovydas Sasnauskas, Dovydas Griska, Kasparas Sacevicius (Nojus Petkus 72), Emilis Kirliauskas, Brooklyn Leipus (Sidas Praleika 86), Skirmantas Jaunius Paukstys, Matas Ambrazaitis (Paulius Urbelionis 80), Vakaris Berenta (Ridas Gramba 72).
Coach: Mindaugas Cepas
Referee: Igor Kankaras
Yellow cards: Petkus Nojus (L) 84'