National Teams

Malta megħluba minkejja wirja kumbattiva kontra l-Polonja

Published: 24-03-2025 22:51
Poland vs Malta - 24.03.25 - Photo by Andre Farrugia (1).jpeg
Poland vs Malta - 24.03.25 - Photo by Andre Farrugia (2).jpeg
Poland vs Malta - 24.03.25 - Photo by Andre Farrugia (2).jpg
Poland vs Malta - 24.03.25 - Photo by Andre Farrugia (9).jpg
Poland vs Malta - 24.03.25 - Photo by Andre Farrugia (8).jpg
Poland vs Malta - 24.03.25 - Photo by Andre Farrugia (7).jpg
Poland vs Malta - 24.03.25 - Photo by Andre Farrugia (6).jpg
Poland vs Malta - 24.03.25 - Photo by Andre Farrugia (5).jpg
Poland vs Malta - 24.03.25 - Photo by Andre Farrugia (3).jpg
This article is also available in English.

Ritratti ta' Andre Farrugia

2026 FIFA World Cup – European Qualifiers – Group G
24.03.2025, Stadion Narodowy

POLONJA...2
MALTA...0
(HT 1-0)

27’ Karol Świderski (POL), 51’ Karol Świderski (POL)

Malta sofriet it-tieni telfa minn daqstant partiti fir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026, nhar it-Tnejn filgħaxija, minkejja li tat daqskemm qalgħet għal ħinijiet twal tal-logħba. 

Il-Polonja mill-ewwel ħarġu fuq l-offensiva biex ifittxu goal kmieni, tant, li fit-tielet minuti Jakub Kaminski sab l-ispazju b’azzjoni personali iżda x-xutt tiegħu spiċċa barra. 

Il-Maltin għamlu reazzjoni u fis-sitt minuta Ilyas Chouaref ġibed lejn in-nofs, avvanza u fajjar kanunata minn barra l-kaxxa li ġiet imdawra għal corner mill-goalkeeper, Lukasz Skorupski.

Madankollu, il-Polonja reġgħu heddew fl-14-il minuta u resqu viċin li jiftħu l-iskor, meta Mateusz Bogusz ġera mal-linja xellugija u b’xutt angolat ra lill-goalkeeper Henry Bonello jsalva b’mod eċċellenti. 

Peró, fis-27 minuta, l-avversarji tagħna marru fil-vantaġġ meta cross minn fuq il-lemin ġie mxellef minn Bonello biex il-ballun waqa’ f’saqajn Karol Swiderski li minn taħt il-lasta xeħet il-ballun fix-xibka. 

Fit-33 minuta, il-Maltin reġgħu heddew minn kontrattakk veloċi b’Ilyas Chouaref ivenven xutt minn barra l-kaxxa li ntemm ftit barra. Din l-azzjoni kienet segwita minn azzjni ta’ James Carragher, wara li d-difensur seraq  il-ballun minn nofs il-ground, qabel ittanta xortih mid-distanza iżda l-isforz tiegħu ġie salvat minn Skorupski.

Sal-mistrieħ Bonello ġie msejjaħ fl-azzjoni għal aktar minn okkażjoni waħda bil-goalkeeper Malti jkun sfurzat iwettaq żewġ saves determinanti biex żamm lil sħabu fil-partita u għaldaqstant daħlu jistrieħu fl-iżvantaġġ ta’ goal. 

Iżda seba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Pollakki rduppjaw meta Jakub Moder qata’ għal kollox lid-difiża Maltija b’daqqa ta’ takkuna eleganti lejn Swiderski li żmarkat għal kollox għeleb lil Bonello.  Il-Polonja komplew iżidu l-pressjoni fuq id-difiża Maltija. 

Fil-71 minuta, il-Pollakki resqu ferm viċin li jkabbru l-vantaġġ meta minn azzjoni ta’ freekick, il-ballun wasal għand Swiderski li mill-qrib ra lill-goalkeeper Malti jwettaq save kbir fuq Swiderski biex ċaħħdu milli jikseb il-hat-trick personali. 

Fit-78 minuta, Bonello reġa’ kien protagonista meta, f’azzjoni Pollakka,  Jakub Kaminski ġera għall-ballun u minn pożizzjoni ideali ra lill-goalkeeper Malti jsalva t-tentattiv tiegħu.

Chouaref, li kien l-akbar theddida għall-Maltin, fis-87 minuta,  resaq viċin li jnaqqas il-marġni tal-iskor b’xutt bid-dawra iżda daqstant ieħor kien tajjeb il-goalkeeper Pollakk li rnexxielu jsalva. 

Ftit wara, il-Maltin ħadu daqqa ta’ ħarta kbira meta spiċċaw jilagħbu bi player inqas għat-tieni logħba konsekuttiva hekk kif Chouaref intwera l-karta l-ħamra għal foul kemmxejn ikrah f’nofs il-ground. 

L-iskor baqa’ ma nbidilx iżda l-Maltin ipproduċew wirja oħra pożittiva kontra t-team qawwi tal-Polonja. 

Il-logħba li jmiss ta’ Malta fi Grupp G hija dik kontra l-Litwanja, fis-7 ta’ Ġunju.

Polonja
1 Lukasz Skorupski (GK), 5 Jan Bednarek (C) (4 Mateusz Wieteska 46’), 8 Jakub Moder, 10 Sebastian Szymanski, 11 Karol Świderski, 13 Jakub Kaminski (18 Bartosz Bereszynski 87’), 14 Jakub Kiwior, 15 Kamil Piatkowski, 19 Przemysław Frankowski (2 Matty Cash 66’), 21 Mateusz Bogusz (17 Bartosz Slisz 46’), 23 Krzysztof Piatek (9 Robert Lewandowski 66’)
Coach: Michał Probierz

Malta
1 Henry Bonello (GK), 3 Ryan Camenzuli, 5 James Lee Carragher, 6 Matthew Guillaumier (C), 7 Joseph Mbong (18 Adam Magri Overend 66’), 9 Ilyas Chouaref, 10 Teddy Teuma, 13 Enrico Pepe (2 Jean Borg 83’), 20 Paul Mbong (14 Kyrian Nwoko 46’), 22 Zach Muscat (19 Carlo Zammit Lonardelli 58’), 23 Alexander Satariano (11 Basil Tuma 58’)
Coach: Emilio De Leo

Referee: Morten Krogh (DEN)

Ammoniti: Zach Muscat (MLT), Przemysław Frankowski (POL), Bartosz Slisz (POL), Basil Tuma (MLT), Ilyas Chouaref (MLT)

Tkeċċa: Ilyas Chouaref (MLT)