National Teams
JITILGĦU L-POLOZ TAL-KWALIFIKI TAL-KAMPJONATI EWROPEJ TAT-TFAJLIET TAL-U17 U TAL-U19
Published: 7 hours ago

Nhar il-Ħamis, telgħu l-poloz tal-ewwel rounds tal-Kampjonati Ewropej tat-Tfajliet ta’ Taħt is-17 u d-19-il sena, b’Malta ssir taf il-polza tagħha fiż-żewġ kompetizzjonijiet.
Il-poloz telgħu fil-Kwartieri Ġenerali tal-UEFA f’Nyon, fl-Iżvizzera, u saru minn David Gough, Kap tal-Kompetizzjonijiet tal-Football tan-Nisa tal-UEFA, u David Balmer, Manager tal-Kompetizzjonijiet tat-Timijiet Nazzjonali tan-Nisa tal-UEFA.
L-EWWEL ROUND TAL-KAMPJONAT EWROPEW 2026/27 TAT-TFJALIET TA’ TAĦT IS-17-IL SENA
L-ewwel polza kienet riservata għall-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat ta’ Taħt is-17-il sena.
Il-kompetizzjoni se tara 50 team jieħdu sehem, maqsuma f’League A (28 team) u f’League B (22 team), b’dawn il-kampjonati maqsuma fi gruppi biex jilagħbu f’mini-tournament b’post wieħed. Is-sitt rebbieħa tal-gruppi u l-aqwa finalist mill-gruppi se jiġu promossi għal League A għat-tieni round.
Malta, li ġiet klassifikata f’Pot 2 ta’ League B, telgħet biex tilgħab fi Grupp B6, flimkien mas-Serbja u l-Bosnija-Herzegovina.
Il-pajjiżi ospiti tal-mini-tournaments se jitħabbru aktar tard. Il-logħbiet iridu jintlagħbu sal-5 ta’ Diċembru.

L-EWWEL ROUND TAL-KAMPJONAT EWROPEW 2026/27 TAT-TFJALIET TA’ TAĦT ID-19-IL SENA
Dan kien segwit mill-polza għat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat ta’ Taħt is-19-il sena.
52 team se jipparteċipaw fil-kompetizzjoni, bi 28 minn dawn it-timijiet ikunu f’League A, filwaqt li l-24 li jkun fadal jilagħbu f’League B. Malta ġiet imtella’ f’Pot 3 ta’ League B. Is-sitt rebbieħa tal-grupp, flimkien mal-aqwa team li ġie fit-tieni post, se jiġu promossi għal League A għat-tieni round.

Malta telgħet biex tilgħab fi Grupp B6 ta’ League B, flimkien mar-Rumanija, iċ-Ċekja u l-Kazakstan.
Il-logħbiet iridu jintlagħbu matul il-perjodu tal-logħbiet internazzjonali tan-Nisa tal-FIFA, sakemm it-timijiet kollha fi grupp ma jaqblux li jilagħbu f'dati oħra. Id-dati huma: mill-5 sat-13 ta' Ottubru 2026 jew mill-24 ta’ Novembru sal-5 ta' Diċembru 2026.