National Teams

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAGĦNA JTEMMU T-TOURNAMENT B’TELFA KONTRA L-AZERBAIJAN

Published: 18-11-2025 17:20
U19 MLT AZE 07.jpg
U19 MLT AZE 06.jpg
U19 MLT AZE 08.jpg
U19 MLT AZE 03.jpg
U19 MLT AZE 04.jpg
U19 MLT AZE 05.jpg
This article is also available in English.

KWALIFIKAZZJONI TAL-KAMPJONAT EWROPEJ TA' TAĦT ID-DSATAX-IL SENA
GRUPP 13
18.11.25, Centenary Stadium, Ta’ Qali

MALTA…1
AZERBAIJAN…2
(HT 0-0)

49' Dejan Farrugia (MLT), 60' Nadir Orujov (AZE), 80' Shahismayil Jafarov (AZE)

Sfortunatament, it-team ta’ Taħt id-19-il sena ma rnexxielux itemm il-Kampjonat Ewropew b’mod pożittiv minħabba li l-players ta’ Vasco Regini sfaw megħluba mill-Azerbaijan, biex b’hekk qabżu lill-istess Maltin u spiċċaw fit-tielet post tal-klassifika.  Malta fetħet l-iskor ftit wara l-mistrieħ, iżda l-Ażeri weġbu b’żewġ gowls sbieħ biex irreġistraw l-unika rebħa tagħhom f’dan il-mini-tournament.

Irrispettivament mir-riżultat tal-konfront bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Ċeka, li ntlagħab fl-istess ħin  fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Football il-ġdid, Malta kellha bżonn rebħa kbira biex iżżid iċ-ċansijiet tagħha li tikklassifika fost l-aħjar it-timijiet li jispiċċaw fit-tielet post , hekk kif ir-rebbieħa biss ta’ kull grupp javvanzaw  għar-Round Elite tas-sena d-dieħla, fir-rebbiegħa.

Kien hemm żewġ bidliet fil-formazzjoni inizjali ta’ Malta mil-logħba kontra r-Repubblika Ċeka, is-Sibt li għadda, hekk kif Jack Camilleri ħa post Thomas Melillo f’nofs il-ground filwaqt li fl-attakk, Nathan Zerafa ħa post Kai Bartolo, it-tnejn sospiżi għal din il-logħba.

Fl-ewwel 45 minuta pjuttost kweti, il-logħob kien bilanċjat iżda l-Azerbaijan ħolqu l-aħjar opportunitajiet. Fit-tielet minuta, l-Ażeri bnew l-ewwel attakk iżda t-tentattiv ta’ Shahismayil Jafarov intemm barra.

Fil-35 minuta, il-goalkeeper Malti James Sissons salva tajjeb fuq xutt ta’ Shahin Ibrahimov u mbagħad fuq tentattiv mid-distanza ta’ Anar Huseynov 

Fid-49 minuta, Malta fetħet l-iskor meta Nathan Zerafa għadda lejn Farrugia li x-xutt fil-baxx tiegħu għeleb għal kollox lill-goalkeeper tal-Ażeri, Habib Hushanov. Ftit wara, Lyon Abela tilef opportunitá tad-deheb li jirdoppja  għall-Maltin meta bil-goalkeeper tal-Azerbaijan biss x’jegħleb ... ra lil Hushanov isalva tajjeb.

Madankollu, mas-siegħa logħob, l-Azerbaijan għamlu l-iskor indaqs meta Nadir Orujov għeleb lil Sissons wara li rċieva minn assist ta’ Ibrahimov u fetaħ il-klassifikazzjoni beraħ ta’ dan il-grupp. Ftit wara, Ibrahimov laqat ix-xibka minn barra minn pożizzjoni angolata fejn b’hekk falla ċans li jitfa’ lil Azerbaijan fil-vantaġġ.

Fis-77 minuta, daqqa ta’ ras ta’ Sheldon Borg, wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, ġiet salvata minn Hushanov mingħajr wisq diffikultà, f’dik li kienet waħda mill-ftit opportunitajiet għall-Maltin fit-tieni taqsima. 

Ftit wara, fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, Ibrahimov resaq viċin li jsib ix-xibka b’xutt angolat li ntemm barra. Iżda fit-80 minuta kien Shahismayil Jafarov li skorja t-tieni goal tal-Azerbaijan bil-ballun jaħbat mal-mimduda qabel intemm ġewwa.

Fis-87 minuta, Malta kienu sfortunati li ma kisbux id-draw meta s-sostitut Shaun Xiberras kellu x-xutt  jistampa mal-wieqfa, bid-difiża tal-Azerbaijan eventwalment tikklerja l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu.

Malta
James Sissons, Malik Amin (Jayden Vella 85), Sheldon Borg (Aiden Agius 90+1), Nathan Joyce, George Grima, Jack Camilleri (Jake Borg 80), Andreas Vella, Dejan Farrugia, Liam Micallef (Shaun Xiberras 85), Lyon Abela (Emerson Piscopo 70), Nathan Zerafa
Kowċ: Vasco Regini

Azerbaijan
Habib Hushanov, Nadir Orujov, Tunjay Ahmadov, Omar Hasanli, Vusal Pashayev, Eltun Babazada, Aliakbar Rzazada, Rauf Gafarov (Anar Huseynov 33), Shahin Ibrahimov (Mehdi Mutallimli 89), Ziya Shakarkhanov (Nihad Orujali 70), Shahismayli Jafarov
Kowċ: Elkhan Abdullayav

Referee: Oliver Reitala (Finlandja)