National Teams
IŻ-ŻGĦAŻAGĦ MALTIN VIĊIN LI JISSORPRENDU LIĊ-ĊEKI FI DRAW MISSIELET
Published: 15-11-2025 13:15




KAMPJONAT EWROPEW TA' TAĦT ID-19-IL SENA
GRUPP TA' KWALIFIKAZZJONI 13
15.11.2025, Centenary Stadium, Ta’ Qali
MALTA…2
CZECHIA…2
(HT 0-1)
17' Jiri Micek (CZE), 57' Dejan Farrugia (MLT), 90+2' Jake Borg (MLT), 90+4' Jiri Micek (CZE)
Fit-tieni logħba tal-Kampjonat Ewropew ta’ Taħt id-19-il sena, il-Maltin kienu qrib li jiksbu rebħa sorpriża kontra r-Repubblika Ċeka. Bħala ma ġara kontra l-Irlanda ta’ Fuq, l-Erbgħa li għadda, il-Maltin laħqu l-aspettattivi kontra ċ-Ċeki li huma ferm b’saħħithom u li għelbu lill-Azerbaijan bl-iskor kbir ta’ 6-1 fl-ewwel logħba tagħhom u li ddominaw ukoll dan il-konfront, iżda Malta għarfu jieħdu ċ-ċansijiet tagħhom.
Biċ-Ċeki b’goal minn fuq, il-Maltin kisbu d-draw grazzi għall-goal ta’ Dejan Farrugia lejn nofs it-tieni taqsima u fil-ħin miżjud il-Maltin saħansitra ħadu l-vantaġġ permezz ta’ free-kick mill-isbaħ ta’ Jake Borg. Madankollu, iċ-Ċeki skorjaw il-goal tad-draw ftit tal-ħin biex il-partita kellha tmiem eċċitanti.
Wara l-partita kontra l-Irlanda ta’ Fuq, il-coach Vasco Regini bidel il-formazzjoni inizjali tiegħu f’erba’ pożizzjonijiet. George Grima, fid-difiża, ingħata l-preferenza flimkien ma’ Liam Micallef, Lyon Abela u Andreas Vella minflok Aidan Agius, Jake Borg, Jack Camilleri u Emerson Piscopo, bl-aħħar tlieta jintużaw bħala sostituti fit-tieni taqsima. Iċ-Ċeki bdew bil-winger marbut ma’ Juventus, Adam Sosna, iżda inizjalment ħallew barra lil Louis Buffon, li skorja tliet goals kontra l-Azerbaijan nhar il-Ħamis li għadda, bl-attakkant ta’ Pisa jiġi utilizzat lejn it-tmiem.
Iċ-Ċeki resqu qrib li jiftħu l-iskor wara biss erba’ minuti meta Sosna kellu t-tentattiv tiegħu jintemm barra. Fl-14-il minuta, il-goalkeeper Malti, James Sissons, imblokka tentattiv mill-viċin ta’ Jakub Rehak u mill-corner li rriżulta, il-captain Stepan Beran kellu t-tentattiv tiegħu permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin jgħaddi ftit għoli. Tliet minuti biss wara, iċ-Ċeki marru fil-vantaġġ meta minn azzjoni ta’ corner ta’ Lukas Dvoracek, id-difensur ċentrali Jiri Micek tefa’ ġewwa mill-viċin permezz ta’ daqqa ta’ ras.
Fit-34 minuta, il-Maltin kienu sfortunati meta Kai Bartolo kellu t-tenattiv tiegħu jistampa mal-lasta. Ftit wara, tentattiv tal-captain, Sheldon Borg, ġie salvat mill-goalkeeper Ċek, Daniel Basta.
Fl-54 minuta, Thomas Melillo żmarka lil Andreas Vella fuq il-lemin, li min-naħa tiegħu serva lil Liam Micallef li x-xutt tiegħu ġie mblukkat minn Patrik Siegl. Dan kien fil-perjodu meta l-Maltin kienu aktar avventurużi u, tliet minuti wara, kien Dejan Farrugia li b’mod brillanti kiseb id-draw għal Malta b’xutt mill-isbaħ wara li rċieva minn cross ta’ Lyon Abela.
Iċ-Ċeki għamlu minn kollox biex jerġgħu imorru fil-vantaġġ iżda t-tieni l-aħjar ċans kien għal Malta, fis-74 minuta, bil-periklu jerġa’ jasal mil-lemin b’Andreas Vella jservi lil Bartolo fil-kaxxa, b’dan jgħaddi tajjeb lejn Thomas Melillo li laqat il-mimduda b’xutt angolat.
L-aħħar kwarta flimkien mal-ħin miżjud intlagħbu l-aktar f’nofs il-ground, b’Lukas Moudry ikollu t-tentattiv tiegħu jintemm ftit għoli fid-79 minuta. Ftit wara, Josef Kolarik għadda minn bejn id-difiża Maltija fuq ix-xellug iżda Sissons wettaq save mill-isbaħ. Fil-85 minuta, Dvoracek ikkonkluda dgħajjef minn angolu ideali b’Sissons jerġa’ jkun involut b’save doppju mill-isbaħ.
Fit-tieni minuta tal-ħin miżjud, is-sostitut Jake Borg tefa’ lil Malta fil-vantaġġ permezz ta’ freekick mill-isbaħ. Iżda, żewġ minuti biss wara, Micek reġa’ għamel l-iskor indaqs għaċ-Ċeki permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin.
Dan kien l-ewwel punt miksub mill-Maltin f’dan il-mini-tournament, li jfisser li riżultat tajjeb kontra l-Ażerbajġan, nhar it-Tlieta li ġej, jista’ jfisser post possibbli fir-Round Elite għaż-żgħażagħ Maltin.
Malta
James Sissons, Malik Amin, Sheldon Borg (Jake Borg 80), Nathan Joyce, George Grima, Thomas Melillo (Shaun Xiberras 90), Andreas Vella, Dejan Farrugia, Liam Micallef (Jack Camilleri 68), Lyon Abela (Emerson Piscopo 68), Kai Bartolo (Nathan Zerafa 80)
Kowċ: Vasco Regini
Repubblika Ċeka
Daniel Basta, Stepan Beran, Patrick Siegl (Simon Sloncik 72), Jiri Micek, Jakub Kolisek, Tomas Hellebrand, Marek Naskos (Tadeas Frydl 65), Adam Sosna (Josef Kolarik 65), Lukas Dvoracek, Daniel Svancara (Lukas Moudry 46), Jakub Rehak (Louis Buffon 77)
Kowċ: Vaclav Jilek
Referee
Kyriakos Athanasiou (Ċipru)