National Teams

L-MFA tniedi l-flokk tal-125 anniversarju b'edizzjoni limitata

Published: 26-05-2025 13:18
_OSR1818 FB Banner_1.jpg
This article is also available in English.

F’konferenza stampa organizzata mill-Malta FA, ġie mniedi l-flokk tal-125 Anniversarju b’edizzjoni limitata kif ukoll ingħatat ħarsa lejn il-logħbiet internazzjonali li ġejjin. 

Il-konferenza stampa ġiet indirizzata mill-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, u d-Direttur Kummerċjali u tal-Komunikazzjoni, Matthew Spiteri Gonzi, li pprovdew dettalji dwar il-kit kif ukoll informazzjoni dwar il-biljetti tal-logħbiet li ġejjin. 

Il-plejers tat-Tim Nazzjonali Rachel Cuschieri, Maria Farrugia, Henry Bonello u Carlo Zammit Lonardelli kienu preżenti wkoll. Id-disinn huwa ispirat mill-kit li ntlibes mit-Tim Nazzjonali Malti fl-ewwel logħba uffiċjali tiegħu kontra l-Awstrija, lura fl-1957. Il-kit se jintlibes  fil-logħba ta’ Kwalifikazzjoni Ewropea tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA kontra l-Litwanja, u mit-Tim Nazzjonali tan-Nisa aktar tard din is-sena. 

B’kollox saru biss 1,700 flokk li jinsabu għall-bejgħ b’kull wieħed assenjat b’numru f’din l-edizzjoni limitata. 

Numri speċifiċi ma jistgħux jiġu mitluba jew riżervati, u l-kit se jinbiegħ f’kaxxa speċjali. “It-tnedija ta’ dan il-kit hija mod biex niċċelebraw il-125 Anniversarju tal-Malta FA. Qed nimmiraw għal prestazzjonijiet tajbin miż-żewġ Timijiet Nazzjonali  biex tiġi mfakkra din it-tnedija sabiex din is-sena tkun ukoll tassew waħda memorabbli,” qal il-President Vassallo.

“Waqt li ħdimna mad-ditta Errea, ippruvajna nżommu d-disinn sempliċi kemm jista’ jkun, b’mod fejn anke s-simbolu tal-marka ta’ Errea jkun biss fuq il-kmiem. 

F’termini ta’ dettalji, il-kit jinkludi s-salib Malti bi tmien ponot fuq quddiem, kif ukoll il-logo tal-125 Anniversarju tal-Malta FA fuq wara, flimkien ma’ marka ta’ kwalità fuq il-parti t’isfel tal-flokk,” żied is-Sur Spiteri Gonzi.

IXTRI MINN HAWN

Informazzjoni fuq biljetti għal-logħbiet internazzjonali

Barra minn hekk, ingħataw ukoll dettalji dwar il-biljetti għal-logħbiet internazzjonali li ġejjin.

It-Tim Nazzjonali tan-Nisa  għandu żewġ logħbiet kruċjali  fi Grupp C2 tan-Nations League, hekk kif it-tim immexxi mill-kowċ Manuela Tesse qed ifittex li jiżgura l-promozzjoni lura għal-League B. L-ewwel konfront se jkun kontra Ċipru, f’partita diretta  għall-promozzjoni li se tintlagħab, fit-30 ta’ Mejju, fl-Istadium Nazzjonali, fis-7.00pm.

Dan se jkun segwit minn logħba barra minn xtutna kontra Andorra, fit-3 ta’ Ġunju. 

Il-biljetti għal-logħba kontra Ċipru diġà huma disponibbli fuq il-pjattaforma tal-biljetti tal-Malta FA, b’aktar dettalji disponibbli hawnhekk. “Inħeġġu lil kulħadd biex jattendi  jingħata l-appoġġ lit-team Malta f’partita daqshekk importanti,” irrimarka l-president Vassallo. 

Huwa żied jgħid li l-Eċċellenza Tagħha, il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, se tkun preżenti biex tappoġġja lit-tim Malti.

Barra minn hekk, il-Finalista tal-Eurovision Song Contest, Miriana Conte, se tkun ukoll preżenti biex tallegra lill-folla qabel il-logħba, u tħeġġiġhom sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom lit-tim. 

It-Tim Nazzjonali tal-Irġiel se jkun fl-azzjoni ftit jiem wara, hekk kif ikompli l-kampanja ta’ Kwalifikazzjoni Ewropea tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA 2026. Malta se tiffaċċja lil-Litwanja fis-7 ta’ Ġunju, fis-6.00pm,  fl-Istadium Naz­zjonali. Il-biljetti għal-logħba huma disponibbli fuq il-pjattaforma tal-biljetti tal-Malta FA

Wara dik il-logħba, it-Tim Nazzjonali se jivvjaġġa lejn l-Olanda għall-partita li se tintlagħab, fl-10 ta’ Ġunju, fid-8.45pm.

L-applikazzjonijiet għall-biljetti għal-logħba kontra l-Olanda bħalissa qed jiġu aċċettati, b’aktar dettalji dwar kif wieħed japplika huma disponibbli hawnhekk.