General
JINGĦATA BIDU GĦALL-VISITMALTA WOMEN CLUB TROPHY FIĊ-ĊENTRU NAZZJONALI TAL-FOOTBALL
Published: 12-01-2026 09:51









It-tournament tal-VisitMalta Women Club Trophy beda nhar il-Ħadd b’żewġ partiti fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Football, il-kumpless tekniku ġdid u modern tal-Malta FA, f’Ta’ Qali.

Erba’ timijiet tal-ogħla livell mill-Ġermanja, l-Olanda u l-Isvizzera qed jikkompetu fl-ewwel edizzjoni ta’ dan it-tournament tal-football tan-nisa.
Ir-rebbieħa darbtejn tal-UEFA Women’s Champions League, VfL Wolfsburg, għelbu lit-team Olandiż PSV Vrouwen 2-0 fil-partita tal-ftuħ, filwaqt li TSG 1899 Hoffenheim, ukoll mill-Ġermanja, kellhom bidu mill-aqwa meta rebħu 4-0 kontra FC Basel tal-Isvizzera.
L-erba’ timijiet parteċipanti bħalissa qed jagħmlu training camp f’Malta, bit-timijiet Ġermaniżi VfL Wolfsburg u TSG Hoffenheim jaslu l-ewwel nhar il-Ħamis, segwiti minn PSV Vrouwen u FC Basel li waslu f’pajjiżna nhar il-Ġimgħa.

It-tournament qed jintlagħab f’żewġ venues, bi tliet partiti fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Football u fil-Malta FA Training Grounds, filwaqt li l-partita finali nhar l-Erbgħa wara nofsinhar, bejn VfL Wolfsburg u FC Basel, se tintlagħab fl-Istadium Tony Bezzina (15:00).
Fil-partita tal-ftuħ tal-Erbgħa (11:00), PSV Vrouwen jiffaċċjaw lil TSG 1899 Hoffenheim fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Football.

It-team li jiġbor l-akbar total ta’ punti jiġi dikjarat rebbieħ tal-ewwel edizzjoni tal-VisitMalta Women Club Trophy.
It-tournament qed igawdi wkoll l-appoġġ tal-Malta Football Association.