General
TRUSTIN FARRUGIA CANN ELETT VIĊI PRESIDENT TAL-MALTA FA B’AKKLAMAZZJONI KBIRA
Published: 16-10-2025 19:02
Trustin Farrugia Cann ġie elett Viċi-President tal-Malta Football Assoċjazzjoni b’akklamazzjoni waqt l-Assemblea Ġenerali tal-Malta FA li saret fis-Centenary Hall nhar il-Ħamis, 16 ta’ Ottubru 2025.
Ing. Farrugia Cann kien l-uniku kandidat għall-kariga vakanti ta’ Viċi President, li kienet okkupata qabel minn Dr Maria Azzopardi, li nħatret Segretarja Ġenerali tal-Malta FA aktar kmieni din is-sena.
In-nomina ta’ Ing. Farrugia Cann kienet konfermata u approvata mill-Kummissjoni Elettorali fil-bidu tax-xahar.

Ing. Farrugia Cann huwa isem magħruf fix-xena tal-football lokali, wara li serva bħala referee għal 24 sena, 10 minnhom fuq il-lista internazzjonali tal-FIFA. Fost il-mumenti ewlenin tal-karriera tiegħu jikludu l-kontroll ta’ partiti mill-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League u tal-UEFA Conference League, kif ukoll partiti ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja u tal-Kampjonati Ewropej. Huwa serva wkoll bħala President tal-Malta Football Referees Association. Riċentement, huwa kien ħabbar li temm il-karriera distintiva tiegħu ta’ referee.
Meta kkummenta dwar ir-rwol il-ġdid tiegħu, Ing. Farrugia Cann qal: “Wara aktar minn 20 sena fid-dinja tar-referees, huwa unur u privileġġ kbir li issa nservi lill-football Malti minn perspettiva differenti, bħala Viċi President tal-Malta FA.”
Ing. Farrugia Cann issa sar it-tielet Viċi President tal-Malta FA, fejn jingħaqad mal-Viċi President Anzjan Dr Matthew Paris u Adrian D. Casha, li t-tnejn ġew eletti mill-ġdid għal terminu ta’ erba’ snin oħra f’Marzu tal-2024