General

Il-Malta FA tinsab maħsuda bl-aħbar tal-mewt ta’ Robert Arrigo.

Published: 18-10-2022 11:06
WhatsApp Image 2022-10-18 at 10.31.16.jpg
Sliema W. Champions 2004.05 (1).jpg
sliema wanderers fc - Malta fa trophy winners 2003-2004 - 01 (1).jpg
This article is also available in English.

Robert Arrigo kien magħruf l-aktar għall-involviment tiegħu fil-politika. Huwa Membru Parlamentari veteran u eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista. Ismu huwa wkoll sinonimu fl-isfera tat-turiżmu. Madankollu kien attiv wkoll fl-isport, speċjalment fil-futbol.

L-involviment tiegħu fl-amministrazzjoni tal-futbol beda bħala President ta’ Gzira United u wara beda jmexxi lil Sliema Wanderers f’Jannar tal-1996, meta Joe Bonello Dupuis spiċċa mill-kariga. Huwa żamm ir-rwol ta’ President għal 12-il sena konsekuttiva sal-aħħar tal-istaġun 2007/2008 meta ħa r-riedni f’idejh Steve Abela. Taħt it-tmun tiegħu, Sliema Wanderers rebħu 4 titli tal-Premier League, irreġistraw 2 rebħiet fl-FA Trophy, rebħu darbtejn is-Super Cup, tliet darbiet il-Lowenbrau Cup, darbtejn it-tournament Super 5, u żewġ Euro Cups, b’total ta’ 15-il unur.

Minkejja li spiċċa mill-kariga ta’ President, il-futbol kien għadu l-passatemp favorit tiegħu u żamm rabtiet mill-qrib anke mal-Assoċjazzjoni. Huwa ntgħażel bħala wieħed mill-uċuħ għall-‘We can perform better – strategy for Maltese football 2020-2024’.

‘Ilkoll ninsabu imnikkta bl-aħbar li miet Robert Arrigo,’ qal Bjorn Vassallo, il-President tal-Malta FA.

‘Din hija telfa oħra għall-familja tal-futbol Malti. Robert, kien raġel tal-futbol! Ħafna nies mhux se jinsew l-emozzjonijiet ta’ dawk is-snin ta’ suċċess meta kien fit-tmun ta’ Sliema Wanderers. Ċertament, dak il-perjodu glorjuż fil-klabb jibqa’ mfakkar għal dejjem, huwa l-wirt ta’ Robert Arrigo.

‘Fuq kollox Robert kien gentlom, missier eżemplari, raġel maħbub, li għen u ta ħafna lill-komunità. Nibagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-familja Arrigo f’dan iż-żmien diffiċli. Il-Bambin jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.’