General
STREET FOOTBALL IN THE CITY JIRRITORNA FIL-BELT VALLETTA F’FESTIVAL EĊĊITANTI
Published: 29-09-2025 10:01








Il-festival speċjali tal-Malta FA, Street Football in the City, irritorna fi tmiem il-ġimgħa li għadda, b’avveniment mimli azzjoni li sar fil-Belt Valletta.
Street Football in the City huwa wieħed minn għadd ta’ avvenimenti li qed isiru din is-sena biex jiċċelebraw il-125 anniversarju tal-Malta FA. Kien hemm żewġ edizzjonijiet preċedenti tal-festival, l-ewwel fil-Mellieħa f’Mejju, u mbagħad f’Ħaż-Żabbar f’Ġunju. Matul iż-żewġ avvenimenti, ħadu sehem ħafna tfal minn nurseries differenti.
L-avveniment ta’ tmiem il-ġimgħa li għadda, sar fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta, nhar il-Ħadd 28 ta’ Settembru, mid-9.00 am sas-1.00 pm.

Il-festival li kien adattat għall-familji, kien fih sensiela ta’ attivitajiet tal-football fit-triq, li kienu diretti għal dawk kollha preżenti, bi stands interattivi wkoll imwaqqfa apposta għall-okkażjoni.
L-ambaxxaturi tal-125 anniversarju tal-Malta FA, Michael Mifsud u Brian Said, flimkien ma’ eks players tat-team n azzjonali u membri tat-team nazzjonali tan-Nisa kienu kollha preżenti fejn ħadu ritratti u ffirmaw awtografi għal dawk fil-festival.

Din l-edizzjoni tal-festival Street Football in the City kellha penalty shoot-out li sar fuq ground tat-turf imwaqqaf fil-pjazza, flimkien ma’ żewġ logħbiet three-a-side fit-triq.
Kien hemm madwar 120 tifel u tifla li ħadu sehem fl-avveniment, minn firxa wiesa’ ta’ nurseries, jiġifieri Pietà Hotspurs FC, Valletta FC, Luqa St Andrew’s FC, Qrendi FC, u Santa Venera Lightnings FC, kif ukoll players mis-selezzjoni tal-Bniet tal-Malta FA.

Il-Viċi President tal-Malta FA, Dr Matthew Paris u l-Viċi President Adrian Casha, flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Dr Miriam Dalli kienu kollha preżenti għal dan l-avveniment.

L-avveniment sar b’kollaborazzjoni mal-Youth FA u l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta. Dan kien appoġġat ukoll mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma, Circular Economy Malta, l-Awtorità tal-Azzjoni Klimatika, Project Green, kif ukoll mill-kampanji Keeping it Clean Together u Saving Our Blue.