General

Stqarrija għall-Istampa - Malta FA & IFF

Published: 17-10-2022 17:59
MFA-IFF.jpg
This article is also available in English.

Il-Malta Football Association u l-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol jagħmlu referenza għall-inċident li seħħ fil-ġurnata tal-bieraħ f’partita tal-Under 14 Development League organizzata mill-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol.

L-Assoċjazzjoni u l-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol jiddeploraw din it-tip ta’ mġiba bil-qawwa kollha. Hija ħasra li t-tajjeb kollu li jsir fid-dinja tal-futbol, partikolarment l-isforzi ta’ tant nies voluntiera fost iż-żgħażagħ, jiġi mtappan b’episodji bħal dawn li ma jagħmlux ġiegħ lil min jagħmilhom. 

Ladarba jiġu stabbiliti l-fatti l-Assoċjazzjoni se tkun qiegħda tieħu dawk il-passi dixxiplinari li fuq livell sportiv hija kompetenti li tieħu.  Lilhinn minn dan, l-Assoċjazzjoni tieħu kont li l-inċidenti seħħew barra l-ground inkwistjoni u għalhekk tħalli fir-responsabbiltà tal-Pulizija Eżekuttiva biex issegwi u huwa mifhum li dan qiegħed isir diġà permezz tal-investigazzjonijiet neċessarji.

Il-Malta FA tappella lil dawk kollha involuti fil-logħba, speċjalment ġenituri, biex jaġixxu dejjem b’responsabbiltà u jkunu ta’ eżempju biex ma jkunux huma stess li jxekklu l-awtorità tal-kowċis jew l-uffiċjali tal-logħba u kif ukoll it-tgawdija tat-tfal. Il-futbol għandu jkun attività fejn it-tfal jieħdu gost f’ambjent sabiħ u sportiv, fejn il-vjolenza u t-tgħajjir m’għandux ikollhom post.  Id-disprazzjoni li tirbaħ jew il-biżgħa li titlef iqajmu tensjoni u telf ta' kontroll għaliex numru ta' ġenituri moħħhom biss fir-riżultat tal-mument u mhux fl-iżvilupp fit-tul ta' wliedhom.