General

Diskors tal-President Bjorn Vassallo – Assemblea Ġenerali tal-MFA 31 ta’ Lulju 2025

Published: 31-07-2025 19:48
General Assembly 31.07.25 - JC (15).jpeg
General Assembly 31.07.25 - JC (13).jpeg
General Assembly 31.07.25 - JC (11).jpeg
This article is also available in English.

Ħbieb,

Ninsabu viċin il-bidu ta’ Kampjonat Nazzjonali ġdid. Għadu kif spiċċa wieħed u diġa’ dieħlin f’ieħor. Il-futbol illum il-ġurnata sar attiv tul is-sena kollha u l-kalendarju m’għadux itina l-istess spazju liberu bħal ma kien fil-passat. Aktar minnhekk sar inqas passjonali u aktar kummerċjali, sar legalist, sar ekonomija sħiħa, u f’pajjiżna mhux eċċezzjoni. F’kelma waħda fl-aħħar snin saret trasformazzjoni totali tal-logħba u ta’ dak kollu li jdur magħha. L-MFA qatt ma beżgħet mill-bidliet. Dejjem konna minn ta’ quddiem biex nippjannaw il-futur tal-logħba. U x’hemm aħjar milli dan kollu jsir fuq livell strateġiku, grazzi għal pjan maħsub u b’miri konċiżi u ċari fejn kulħadd ikun jaf id-direzzjoni u l-pjan ta’ ħidma.  

B’sodisfazzjoni nirrimarka li l-ewwel dokument strateġiku għall-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol ggwidana għall-aħħar erbgħa snin u propju llum se nippreżentaw il-kontinwazzjoni ta’ dak li bdejna flimkien. Huma ġranet eċċitanti meta niftakar minn fejn tlaqna u li ninsabu hawn illum nitkellmu dwar l-objettivi li ntlaħqu mill-miri mpoġġija quddiemna, huwa verament mument pożittiv. Kellna miri ambizzjużi, kellna zminijiet diffiċli, kellna sfidi varji, iżda fuq kollox kellna l-entużjażmu li nwettqu u nkunu ta’ servizz għalikom u għal-logħba tal-futbol.

Fl-infrasstruttura ħdimna bla waqfien, kemm fil-kumpless sportiv ġewwa Ta’ Qali u kif ukoll għandkom il-klabbs u dan biex dejjem nimmodernizzaw il-faċilitajiet sportivi fejn eluf jitħarrġu u jikkommpetu jum wara l-ieħor.

Fil-governanza wkoll konna ferm attivi. Wassalna Statut ġdid bi drittijiet dejjem akbar għall-membri, dħalna fil-liċenzjar u ssimplifikajna, ovvjament għal min huwa bilgħaqal u diliġenti hija ċara, għal min ma jagħtix każ il-kontabilita’ forsi jħoss li kkumplikajna l-affarijiet, iżda mhux hekk, kull min huwa serju dejjem wasal fir-rispett tar-regolamenti u fejn ma jasalx nintervjenu bis-sanzjoni għaliex hekk huwa ġust. Issa fadal l-aħħar biċċa tar-riforma fil-governanza u allura dik li se tara numru ta’ klabbs jagħżlu li joperaw f’livell privat b’mudell li għandu joħloq opportunitajiet ġodda għall-klabbs affiljati. Ippreżentajna abbozz ta’ liġi u qiegħdin nistennew li din titressaq għall-approvazzjoni tal-kamra tad-deputati.

Ma rridx insemmi kull objettiv li ressaqna u lħaqna u dak kollu li għamilna permezz tal-ewwel strateġija, ix-xogħol jitkellem waħdu, iżda rrid ngħid li fost id-deċiżjonijiet li ttieħdu tul l-aħħar snin u matul dan il-mandat, ma naqsux dawk li waslu għal assistenza finanzjarja akbar fil-livelli kollha tal-piramida, mill-Elite sal-Grassroots. U dan nagħmluh għaliex hawn hekk mhux tagħna l-uffiċjali, iżda tal-Klabbs u l-Assoċjazzjonijiet membri u aħna ninsabu hawn biex inservu lilkom b’imparzjalita’.

Aktar minn terz tan-nefqa sena wara sena tgħaddi lura lil membri f’assistenza finanzjarja, speċjalment fl-operat tal-kompetizzjonijiet. M’hemmx sodisfazzjon ikbar milli tara l-eko-sistema kollha tirrispondi għaliex il-mekkaniżmi jaħdmu u dan konsegwenza tal-ippjanar bilgħaqal u sussegwentement tal-immaniġjar effettiv ta’ objettivi li l-għan aħħari tagħhom huwa dak li jgħollina fil-prestazzjoni kemm sportiva iżda wkoll amminsitrattiva.

U allura fis-sena tal-125 sena Anniversarju mit-twaqqif tal-MFA ninsab hawn quddiemkom biex nipprezentawlkom proposti strateġiċi ġodda bħala kontinwazzjoni ta’ dak li bdejna flimkien.

Għalhekk naraw flimkien il-vidjo promozzjonali li se jagħtina ideja aktar ċara ta’ dak li rnexxielna nilħqu u dak li qiegħdin nipproponu biex inkomplu ntejjbu l-logħba domestika permezz ta’ standards aħjar u proċessi effiċjenti biex inkomplu nħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu u sens ta’ responsabbilita’ sabiex ir-riżultat aħħari jkun dak li nixtiequ kollha... nispiraw liż-żgħażagħ tagħna filwaqt li nilħqu sens ta’ kburija nazzjonali.

FORWARD TOGETHER

F’dawn il-filmati stajna nsegwu dak li kien u dak li qiegħed ikun propost. Naturalment wara din il-laqgħa se nkunu f’pożizzjoni li naqsmu magħkom u nippreżenttaw ukoll pubblikament dokument strateġiku f’forma ‘soft copy’ li jiġbor fid-dettal dak li li segwejna bħala sintesi. Qabel kollox nixtieq ngħid grazzi lil Maria u lill-uffiċjali kollha l-oħra tal-ħidma sfieqa u lill-impjegati tal-Assoċjazzjoni li kienu dejjem disponibbli biex imexxu l-Aġenda tal-membri u issa li wasalna s’hawn determinati li nirnexxu anki din id-darba.

It-tmexxija tal-futbol, kull tmexxija, aktar ma jmur, aktar qiegħda ssir iebsa biex tamministra. Imbagħad jekk trid tieħu ħsieb il-problemi tar-riżorsi, il-budget u l-kontabilita’, il-manutenzjoni fil-kumpless, ir-relazzjonijiet interni u esterni u ħafna affarijiet oħra qabel tkun bdejt tiddiskuti l-affarijiet li jmissu mal-pitch, tasal għal konklużjoni li taħdem fil-futbol tal-llum mhu faċli xejn. Iżda xorta waħda dejjem sibnikom hemm. Kontu spalla ma’ spalla magħna fil-perkors kollu. Hemm fejn ma qbilnix, hemm fejn illetikajna fuq il-pożizzjoni jew il-mertu, hemm fejn żammejna iebes u f’ċirkostanzi oħra fejn konna aktar flessibli, imma fuq kollox flimkien dejjem iddeċideja u ksibna fl-aħjar interess tal-logħba.

Għaldaqstant l-awgurju tiegħi huwa dak li nibqgħu magħqudin bħala familja waħda biex bis-saħħa tal-futbol nkomplu nkattru l-ġid għal-logħba u għal komunita’. Il-futbol huwa sors ta’ emozzjonijiet u passjoni, dawk li għandna bżonn biex iżommuna mwaħħlin fis-sistema. Min jaf kemm smajna...din l-aħħar sena tiegħi, se nieqaf, iżda dik l-aħħar sena ma tasal qatt. Meta nħares lejkom niftakar fil-perkors kollu u jiġuni memorji ta’ minn fejn tlaqna biex snin wara nistgħu ngħidu li għandna diġa’ legat u issa importanti li nkomplu nibnu għal dawk li se jissuċiedu warajna. Dan huwa possibli jekk dejjem inżommu s-sostenibbilita’ f’moħħna. Fil-kuntest tagħna dan kollu jfisser li għandna nissodisfaw il-bżonnijiet tal-preżent mingħajr ma nikkompromettu l-abbilita’ għal ġenerazzjonijiet futuri.  

U x’hemm isbaħ milli tħalli investiment fil-ġebla, aktar faċilitajiet biex jitgawdew mill-membri u minn fejn l-MFA tkun tista’ tibqa’ taqdi l-missjoni tal-futbol. Fi ftit ġimgħat oħra wasalna għall-ftuħ uffiċjali tan-National Football Centre, binja li se tintuża għal numru ta’ ħtiġijiet sportivi, amministrattivi, edukattivi u rikreattivi. Nirringrazzja lil Gvern Ċentrali li emmen fil-potenzjal li l-futbol Malti għandu x’joffri biex ikompli jikber u jevolvi u għalhekk huwa ta’ pjaċir li proġett kbir bħal dan wasal fil-fażi ta’ tlestija.

Dan huwa proġett li kien ilu fuq l-ixkaffa snin għaliex l-MFA ma kelliex il-fondi u l-ewwel għażlet li tinvesti fil-ħaxix tal-klabbs madwar Malta u Għawdex, qabel bdiet tħares biex issaħħaħ l-infrastruttura f’Ta’ Qali. Iżda grazzi għas-sostenn miksub minn bosta entitajiet, il-ħofra kif konna nsibuha nbniet ukoll. L-istess kif l-uċuħ tagħkom u l-faċilitajiet sportivi kienu mmoderniżżati, issa anki f’Ta’ Qali se jkollna ċentru li kapaċi jaqdi l-funzjoni tal-futbol.

Dan huwa messaġġ ċar li rridu nkomplu ninvestu fl-iżvilupp tal-plejers lokali u għalhekk ikun żball jekk nirrestrinġu l-ispazju għat-talent lokali. Propju jumejn ilu ltqajna man-nurseries tagħkom u spjegajnilhom l-aħħar dettalji dwar numru ta’ proposti, tkellimna fuq l-inċentivi finanzjarji , fejn f’dan il-livell tul l-ewwel strateġija n-nefqa diretta fl-operat favur in-nurseries kient tlaħħaq kważi l-miljun ewro. Dan apparti għajnuniet oħra li jkomplu jikkonferma kemm l-Assoċjazzjoni għandha għal qalbha il-plejers u l-kowċis fis-sezzjoni tal-grassroots, flimkien mal-eluf ta’ voluntiera li jżommu l-futbol ħaj staġun wara staġun. Mingħajr iż-żgħar tal-llum, ma jkollniex il-plejers ta’ għada. L-obbligu tagħna kollha huwa li niżguraw li iż-żgħar jikbru jħobbu l-logħba u jħaddnu l-valuri tal-fair play f’ambjent san fejn il-benesseri jkunu parti ċentrali mill-iżvilupp, għaliex b’hekk biss jistgħu jipprogressaw u jirrendu fuq il-pitch.

Fl-aħħar xhur saħħaħna l-involviment u d-djalogu mal-imsieħba biex nimmassimiżżaw l-opportunitajiet favur l-atleti u l-amministraturi. Intervjenejna bosta drabi fuq livell ministerjali, bi proposti li wasslu għal liġijiet ġodda fl-immaniġġjar tal-avvenimenti, fil-livell korporattiv u anki pparteċipajna f’kampanji li permezz tal-futbol wasslu messaġġ pożittiv u inkluissiv lis-soċjeta’. Mhux faċli tkejjel l-impatt tal-ħidma kollha li ssir, iżda persważ li l-imprint jinħass.

Din kienet ukoll sena ta’ suċċessi varji. In-nisa tennew lilhom infushom u reġgħu ferrħuna bi promozzjoni oħra, l-istess kif ksibna suċċessi għall-ewwel darba fil-kamp tal-futsal u l-beach-soccer. L-irġiel ġejjin minn logħba diffiċli ħafna, iżda persważ li l-plejers tagħna kapaċi jqumu għall-okkażżjoni mill-ewwel minn Settembru li ġej. Fuq livell ta’ kompetizzjonijiet domestiċi l-Bord Eżekuttiv ftit ġimgħat ilu approva l-użu tat-teknoloġija mill-istaġun li ġej f’numru ta’ kompetizzjonijiet. Dan huwa tragward importanti li jkompli jagħti kredibbilita’ lil logħba u jgħin lill-ufiċjali tagħna fid-deċiżjonijiet tagħhom. Dan se jkun staġun ġdid b’ innovazzjonijiet ġodda u l-istaġun il-ġdid se jagħtina wkoll tazza ġdida, it-Tazza tal-Ġublew,  li se tkun miftuħa għal kulħadd u li l-finali maskili u femminili se jsiru fit-8 ta’ Diċembru biex b’hekk niċċelebbraw l-għeluq tas-sena tal-Anniversarju bil-futbol milgħub.

Għalhekk nagħlaq id-diskors tiegħi hawn billi nirringrazzjakom tal-kontribuzzjoni tagħkom matul l-aħħar sena biex l-MFA kompliet tistabilixxi lilha nfusha bħala l-Assoċjazzjoni fuq quddiem nett fl-innovazzjoni, l-iżvilupp u l-influwenza fl-industrija tal-isports f’pajjiżna. Il-prattiċi li l-Assoċjazzjoni u l-membri kollha flimkien inħaddnu huma dawk li qed iwassluna biex inkomplu nissudaw is-sisien u nkattru l-ġid permezz ta’ politika definita fl-isport. 

Grazzi.