General
Il-President tal-Malta FA jipprezenta t-tilu tal-UEFA Euro U17 lill-Italja
Published: 8 hours ago
Għat-tieni darba fl-istorja u wara s-suċċess fl-2024, l-Italja tirbaħ mill-ġdid l-aktar turnew prestiġġjuż fil-kategorija ta’ Taħt is-17-il sena fl-Ewropa. L-edizzjoni ta’ din is-sena saret fl-Estonja bil-finali ssir fil-Lillekula Stadium ta’ Tallinn.
Quddiem attendenza ta’ aktar minn 7000 spettatur it-tim nazzjonali Taljan immexxi mill-kowċ Daniele Franceschini għeleb lil dak Belġjan wara l-għoti tal-penalties. Il-logħba spiċċat bl-iskor ta’ 1-1, fejn kienu l-Belġju li fetħu l-iskor permezz tas-sostitut Ojea fil-85 minuta, biex l-Italja ġabu l-iskor indaqs minn penalty fid-90 minuta skorjat minn Fugazzola.

Iż-żewġ timijiet marru mill-ewwel għall-għoti tal-penalties, bit-Taljani jirbħu bl-iskor ta’ 4-3 u jsiru champions Ewropej ta’ Taħt is-17-il sena.
Wara l-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, li huwa wkoll iċ-Chairman tal-UEFA Youth and Amateur Committee, responsabbli mill-organizazzjoni ta’ dan it-turnew, ippreżenta l-midalji lill-uffiċjali tal-logħba u liż-żewġ timijiet finalisti u kif ukoll it-trofew lir-rebbieħa.