General

Uffiċjali tal-Malta FA jattendu is-76 Kungress tal-FIFA f'Vancouver

Published: 01-05-2026 09:24
FIFA Congress (4).jpeg
FIFA Congress (5).jpeg
FIFA Congress (8).jpeg
FIFA Congress (7).jpeg
FIFA Congress (6).jpeg
FIFA Congress (2).jpeg
This article is also available in English.

Uffiċjali tal-Malta FA attendew is-76 Kungress tal-FIFA li sar f’Vancouver, il-Kanada.

Id-delegazzjoni Maltija kienet immexxija mill-President tal-Assoċjazzjoni, Bjorn Vassallo, filwaqt li attendew ukoll is-Segretarju Ġenerali, Dr Maria Azzopardi, u t-Teżorier, Ivan Mizzi.

L-aġenda tal-Kungress inkludiet ir-rapport tal-attivitajiet għas-sena 2025. Minbarra l-indirizz tal-President tal-FIFA, Gianni Infantino, saru wkoll interventi minn Arsène Wenger, Jill Ellis u Pierluigi Collina, li tkellmu dwar l-iżvilupp tal-plejers, il-futbol femminili u l-uffiċjali tal-logħba. Ingħatat ukoll informazzjoni dettaljata dwar il-preparamenti għat-Tazza tad-Dinja, li se tibda f’Ġunju ta’ din is-sena u li se ssir fil-Kanada, il-Messiku u l-Istati Uniti.

Ġew ippreżentati wkoll aktar dettalji dwar il-kompetizzjonijiet kollha organizzati mill-FIFA madwar id-dinja, kif ukoll dwar il-Programm FIFA Forward.

Żewġ membri, l-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Palestina u dik ta’ Iżrael, indirizzaw il-Kungress dwar l-aħħar żviluppi fir-reġjuni rispettivi tagħhom. Il-FIFA sostniet li se tkompli toffri l-assistenza tagħha biex tiffaċilita d-djalogu bejn iż-żewġ assoċjazzjonijiet membri, filwaqt li awgurat paċi dejjiema u saħqet li l-futbol għandu jibqa’ għodda għall-paċi f’kull parti tad-dinja fejn jeżistu kunflitti.

Fl-għeluq tal-Kungress, il-President ħabbar li se jerġa’ jikkontesta għal mandat ġdid bħala President. Din l-elezzjoni se ssir is-sena d-dieħla waqt il-Kungress li se jsir fl-Afrika ta’ Fuq, speċifikament fil-Marokk.

Il-Malta Football Association tibqa’ kommessa li żżomm relazzjonijiet internazzjonali b’saħħithom mal-FIFA, mal-konfederazzjonijiet rispettivi u mal-assoċjazzjonijiet membri kollha madwar id-dinja.