General
L-amministrazzjoni tal-MFA tiltaqa' mal-uffiċjali tal-Clubs Membri b'ħarsa lejn l-istaġun 2024/25
Published: 19-06-2025 15:55






L-amministrazzjoni tal-Malta FA, immexxija mill-president Bjorn Vassallo, iltaqgħet mal-uffiċjali tal-clubs membri fi tliet laqgħat separati li saru f’Ta’ Qali matul l-aħħar ftit jiem.
Matul il-laqgħat, l-MFA qasmet statistika u dettalji finanzjarji mal-uffiċjali tal-clubs, jiġifieri dawk mill-Malta Premier, iċ-Challenge League u n-National Amateur League.
L-Assoċjazzjoni pprovdiet ħarsa ġenerali lejn l-attendenzi rreġistrati tal-kampjonati domestiċi u kompetizzjonijiet oħra, filwaqt li enfasizzat ukoll dettalji dwar id-dehriet kemm għall-players lokali kif ukoll għal dawk barranin, reġistrazzjonijiet ta’ players barranin, il-fond ta’ żvilupp relatat mal-użu ta’ players żgħażagħ lokali, flimkien ma’ statistika u informazzjoni ewlenija oħra.

SKEMA TA’ €250,000 FONDI GĦALL-PLAYERS LOKALI
Għall-Malta Premier, kien hemm żieda sinifikanti fil-logħbiet li ntlagħbu bl-introduzzjoni tal-format il-ġdid, li żdiedu għal total ta’ 196 inklużi l-logħbiet tal-Play-offs u l-Final Four.
Melita FC kien il-club bl-aktar players Maltin (lokali) fil-formazzjoni tal-bidu tagħhom, b’total ta’ 195 dehra. Mosta FC kellhom l-aktar dehriet Maltin (ta’ players lokali) għal players ta’ taħt il-21 sena b’69 dehra sal-aħħar ġurnata tal-logħba.
Kurt Shaw ta’ Hibernians FC kien il-player lokali bl-aktar minuti lagħab (2,774 minuta), filwaqt li Leandro Aguirre ta’ Marsaxlokk FC u Kelvin Agu Emeka ta’ Sliema Wanderers FC kienu l-players barranin bl-aktar minuti effettwati (2,880 minuta) matul il-kampjonat kollu.

F’termini ta’ dehriet taż-żgħażagħ, Mosta FC, Naxxar Lions FC, Żabbar St. Patrick FC, Ħamrun Spartans FC u Melita FC kienu, f’din l-ordni, il-clubs li lagħbu l-aktar żgħażagħ lokali.
Il-clubs eliġibbli għal fondi taħt din l-iskema mmirata biex tappoġġja l-iżvilupp taż-żgħażagħ se jaqsmu ammont ta’ €250,000 disponibbli mill-Malta FA u l-MPL f’sehem ugwali. Waqt il-preżentazzjoni, ġew żvelati d-dati għall-kalendarju domestiku tal-istaġun li jmiss, bil-Malta Premier mistenni jibda fi tmiem il-ġimgħa tas-16 ta’ Awwissu.
BOV CHALLENGE LEAGUE & NATIONAL AMATEUR LEAGUE
Fil-BOV Challenge League, intlagħbu 176 logħba bil-maġġoranza tal-logħbiet jintlagħbu fis-Centenary Stadium u l-Victor Tedesco Stadium. Tliet players, jiġifieri Luke Bonnici ta’ Lija Athletic, Jake Pisani ta’ St. Andrew’s u Andreas Vella ta’ Tarxien Rainbows, kienu l-players lokali bl-aktar minuti lagħbu f’dan il-kampjonat (1980 minuta kull wieħed). Il-Malta FA ppreżentat rapport analitiku dwar l-esperjenza inawgurali taċ-Challenge Cup, kompetizzjoni ġdida miftuħa għal timijiet fit-tieni livell tal-football lokali.

L-Assoċjazzjoni qed tipproponi format u kompożizzjoni ġodda għall-istaġun tal-football li jmiss li se jara wkoll l-inklużjoni ta’ clubs Għawdxin mill-ogħla diviżjoni.
Fin-NAL 1, il-goalkeeper James Abela ta’ Għargħur kien l-aktar player lokali utilizzat b’2153 minuta, filwaqt li fin-NAL 2, il-goalkeeper Leon Seisun ta’ Siggiewi u l-player Dejan Bogdanovic ta’ Victoria Hotspurs kienu involuti f’1620 minuta kull wieħed, u b’hekk saru ż-żewġ players lokali l-aktar utlizzati f’dan il-livell.
L-Assoċjazzjoni ġabet ukoll benefiċċji finanzjarji għall-clubs fiċ-Challenge League u n-National Amateur League permezz tal-iskema Development Pot li tammonta għal €90,000 bejn iż-żewġ diviżjonijiet. Ġew enfasizzati wkoll dettalji dwar il-pagamenti taħt l-Iskema ta’ Solidarjetà tal-UEFA, inklużi l-kriterji l-ġodda mħabbra mill-UEFA matul l-aħħar staġun tal-football dwar id-distribuzzjoni u l-użu ta’ dawn il-fondi.
Iċ-Challenge League u n-National Amateur League it-tnejn se jibdew f’Settembru wara t-tieqa internazzjonali tal-FIFA.
ŻIEDA FL-ATTENDENZA GĦALL-ISTAĠUN 2024/25
F’termini ta’ attendenza, kien hemm żieda fin-numru totali ta’ partitarji fil-kompetizzjonijiet tal-football tal-irġiel għall-istaġun 2024/25 bil-kampjonati nazzjonali kompost mill-Malta Premier, iċ-Challenge League u n-National Amateur League, li ospitaw total ta’ 184,056 spettatur fid-diversi grounds.
It-tazzi domestiċi rreġistraw ukoll żieda fl-attendenza tal-partitarji bin-numri matul l-istaġun 2024/25, jilħqu total importanti ta’ 29,015 spettatur.
Dawn iż-żidiet meta mqabbla mal-istaġun tal-football preċedenti rriżultaw f’żieda ġenerali ta’ 26% fl-attendenza minn 169,523 spettatur fl-2023/24 għal 213,071 spettatur li attendew għal-logħbiet fl-istaġun 2024/25.
Ir-riżultati juru li 43,500 persuna aktar attendew għal-logħbiet tal-football domestiċi matul l-istaġun 24/25 meta mqabbla mal-istaġun preċedenti. Il-kontributuri ewlenin fil-kisba ta’ dawn ir-riżultati pożittivi kienu ċ-Challenge League b’żieda ta’ 38%, in-National Amateur League b’żieda ta’ 27% u l-Premier League b’żieda ta’ 21%. L-FA Trophy u l-finali tas-Super Cup flimkien ġibdu żieda ta’ 11% fl-attendenza wkoll meta mqabbla mal-istaġun tal-football preċedenti.
DATI TAL-JUBILEE CUP U S-SUPER CUP
Ingħatat ukoll informazzjoni ewlenija dwar il-kalendarju tal-football għall-istaġun li ġej, inklużi d-dati tal-logħbiet internazzjonali tal-FIFA, kif ukoll l-introduzzjoni tal-Jubilee Cup, kompetizzjoni li tfakkar il-125 Anniversarju tal-Malta FA. Il-kompetizzjoni se tara clubs mid-diviżjonijiet kollha, kif ukoll minn assoċjazzjonijiet membri oħra, jikkompetu għat-trofew importanti.
Matul il-kompetizzjoni, kull team jista’ juża biss massimu ta’ ħames players mhux lokali f’kull ħin fil-ground.
L-MFA ħabbret ukoll id-dati potenzjali għas-Super Cup tal-BOV, bejn iċ-champions Hamrun Spartans u r-rebbieħa tal-FA Trophy Hibernians, skedata li ssir fit-12 ta’ Awwissu, 2025, suġġetta għall-progress tal-clubs fil-kompetizzjonijiet Ewropej tal-clubs.
Jekk wieħed jew iż-żewġ clubs ma jkunux disponibbli għall-ġurnata tal-logħba f’Awwissu, il-finali tas-Super Cup tiġi trasferita għall-10 ta’ Frar, 2026, u din tkun fixture disponibbli għaż-żewġ clubs.
Sadanittant, il-finali tal-Jubilee Cup kemm għat-timijiet tal-irġiel kif ukoll tan-nisa se jintlagħbu fit-8 ta’ Diċembru 2025. Dati importanti oħra kienu jinkludu dawk relatati mal-BOV Men’s Youth League li se jibda fl-aħħar ta’ Awwissu.
POLOZ TAL-ISTAĠUN 2025/26
Fl-aħħarnett, l-MFA ħabbret ukoll li l-poloz tal-BOV Challenge League, il-BOV National Amateur Leagues 1 u 2, l-Assikura Women’s League u l-BOV Youth League, se jsiru fit-3 ta’ Lulju 2025 waqt programm televiżiv li se jixxandar fuq TVMSport+.
AĠĠORNAMENT TAL-FAĊILITAJIET TAL-FOOTBALL
Barra minn hekk, ingħataw aġġornamenti dwar ir-rinnovazzjoni tas-Centenary Stadium u tal-Luxol Stadium. Iż-żewġ grounds għaddejjin minn rinnovazzjoni bix-xogħlijiet mistennija jitlestew bejn Ġunju u Lulju ta’ din is-sena.
Is-Centenary Stadium u l-Luxol Stadium huma l-aħħar grounds reġjonali li ġew aġġornati bi proġetti simili li diġà twettqu ... fil-Victor Tedesco Stadium, fis-Sirens Stadium u fiċ-Charles Abela Stadium fis-sajf li għadda. Dan huwa xhieda tal-isforz tal-Malta FA li toffri l-aqwa faċilitajiet tal-football lill-membri tagħha, wara li mmodernizzat il-faċilitajiet reġjonali kollha tal-football matul l-aħħar żewġ staġuni tal-football.
SKEMA GREEN GOAL
Waħda mill-inizjattivi ewlenin diskussi matul il-laqgħat kienet il-kollaborazzjoni tal-Malta FA ma’ Project Green għall-iskema Green Goal.

Din l-iskema, imnedija f’Marzu, għandha l-għan li tħeġġeġ lill-clubs tal-football biex jimplimentaw proġetti ambjentali, li jvarjaw minn tħaddir u titjib tal-estetika taż-żoni madwar il-grounds tal-football, sa introduzzjoni ta’ prattiċi sostenibbli bħall-konservazzjoni tal-ilma għall-irrigazzjoni.
L-ewwel pagament ta’ appoġġ finanzjarju diġà tħallas lill-clubs membri kollha u qed jiġu aċċettati applikazzjonijiet għal aktar proġetti.