General

Organizzata l-Konvenjoni ta' 'Stop the Hate' mill-Malta FA biex jiġu indirazzati kwistjonijiet soċjali u ta' abbuż

Published: 26-03-2025 10:46
DSC_6041.JPG
DSC_5753-min.JPG
DSC_5852-min.JPG
DSC_5802-min.JPG
DSC_5839-min.JPG
This article is also available in English.

Id-Dipartiment tar-Responsabbiltà Soċjali tal-Football (FSR) tal-Malta Football Association organizza avveniment bl-isem ‘Stop the Hate (STH) Convention’, li jifforma parti mill-programmi inklussivi tiegħu fi ħdan il-programm UEFA HatTrick għall-2025/26.

L-attività saret fis-Centenary Hall, nhar l-Erbgħa 19 ta’ Marzu 2025. Elenkat bħala wieħed mill-proġetti inklużivi tal-FSR mal-clubs tan-National Amateur League, il-proġett STH jinkludi numru ta’ sessjonijiet fuq il-post fi ħdan il-clubs imsemmija. 

Dawn is-sessjonijiet huma bbażati fuq sensiela ta’ kwistjonijiet soċjali u tal-football, inklużi fost l-oħrajn il-protezzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, il-programm UEFA Outraged, sessjonijiet edukattivi dwar il-prevenzjoni ta’ match fixing kif ukoll programmi ta’ wara l-iskola fi ħdan il-clubs tal-futbol lokali. 

Dan l-istaġun, il-clubs kollha tan-National Amateur League, iddedikaw il-faxex tal-captains bil-logo ‘Stop the Hate’ fuqhom. Għal din il-konvenzjoni attendew is-26 club tan-National Amateur League li nkludiet ukoll panel ta’ diskussjoni li kien kompost minn Peppi Azzopardi, il-coach nazzjonali tan-Nisa, Manuela Tesse, ir-referees Paula Buttigieg u Gabriel Oladipupo Ibunoluwu, l-Esperta tad-Drittijiet Umani u l-Inklużjoni tal-UEFA, Presilia Mpanu Mpanu, kif ukoll Brian Chircop ta’ South End Core. 

Il-Kap tal-FSR tal-Malta Football Association, Peter Busuttil, introduċa lill-kelliem li fetaħ din id-diskussjoni, il-Kummissarju Ewropew għall-Ekwità Interġenerazzjonali, Żgħażagħ, Kultura u Sport, Glenn Micallef, kif ukoll lid-Direttur tas-Sostenibbiltà Soċjali u Ambjentali tal-UEFA, Michele Uva. Dan tal-aħħar tkellem dwar l-importanza li l-UEFA tagħti lill-kwistjonijiet soċjali, partikolarment dawk li jittrattaw l-abbuż fil-ground u barra, flimkien ma’ kull forma ta’ razziżmu. Il-clubs ipparteċipaw f’diskussjoni dwar kwistjonijiet ta’ mibegħda fil-football ġewwa u barra l-ground, filwaqt li impenjaw ruħhom ukoll mal-kelliema fuq il-panel. Dawn ħadu sehem ukoll fi stħarriġ biex tiġi mkejla l-opinjoni tagħhom dwar id-diskors ta’ mibegħda fil-football. Il-player Maltija tat-team nazzjonali tan-Nisa, Maya Lucia, tat il-kontribut tagħha billi qasmet l-esperjenzi tagħha stess biex tittratta sitwazzjonijiet bħal dawn fil-football. 

Fl-għeluq tal-attività, il-viċi-president tal-Malta Football Association, Dr Matthew Paris enfasizza l-ħtieġa li jinħoloq ambjent sigur li jippermetti lil kulħadd igawdi l-isport. “‘Stop the Hate’ mhuwiex biss slogan, iżda moviment li qed noħolqu,” huwa stqarr. “L-għan huwa li niżguraw li nużaw il-pjattaformi tal-midja soċjali b’mod responsabbli. Tajjeb li nesprimu l-opinjoni tagħna, iżda żgur mhux tajjeb li nesprimu l-opinjoni tagħna b’mod li jolqot jew ifixkel id-drittijiet ta’ oħrajn,” huwa afferma. 

Dr Paris żied jgħid li l-għan huwa fl-aħħar mill-aħħar jiġu edukati l-partijiet interessati tal-football, peress li “jekk jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn il-libertà tal-espressjoni kontra r-rispett tal-oħrajn huwa l-aqwa goal li qatt nistgħu niskorjaw.”