General
IL-MALTA FA TORGANIZZA L-KONVENZJONI ‘STOP THE HATE’ B’KOLLABORAZZJONI MAL-VICTIM SUPPORT AGENCY
Published: 26-04-2026 10:02








Id-Dipartiment tar-Responsabbiltà Soċjali tal-Football (FSR) tal-Malta FA dan l-aħħar organizza l-Konvenzjoni ‘Stop the Hate’ (STH), b’din tkun parti integrali mill-programmi inklużivi tagħha fi ħdan il-‘UEFA HatTrick Programme’ għall-2025/26.
L-avveniment sar fis-Centenary Hall f’Ta’ Qali, nhar is-Sibt 25 ta’ April, 2026.
Il-kampanja ‘Stop the Hate’ ġiet imnedija aktar kmieni fl-istaġun, wara ftehim bejn il-Malta FA u l-Victim Support Agency (VSA). Matul l-istaġun, il-kampanja pprovdiet ukoll viżibbiltà lill-VSA, bil-għan li tqajjem kuxjenza fost dawk fil-bżonn ta’ appoġġ dwar is-servizzi disponibbli għalihom u d-drittijiet tagħhom. Il-Malta FA u l-VSA ħadmu flimkien biex iżidu l-kuxjenza, jedukaw, u jinvolvu lill-komunità fir-rigward ta’ dan is-suġġett.
Din is-sena, total ta’ 68 club se jibbenefikaw mill-kampanja ‘Stop the Hate’, kull wieħed jirċievi €1,000 bħala rikonoxximent għall-kollaborazzjoni tagħhom mal-Malta FA fil-kampanja. Il-fondi tqassmu lil kull club matul il-konvenzjoni.
Matul l-istaġun, il-clubs kollha li lagħbu fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-Malta FA użaw il-faxex tal-captains bil-messaġġ ‘Stop the Hate’ fuqhom. Barra minn hekk, is-Cententary Stadium kellu reklamar perimetrali li ppromwova esklussivament il-kampanja tan-National Victim Support line - 116 006.

Il-Konvenzjoni ‘Stop the Hate’ ippermettiet lill-players, coaches, edukaturi, professjonisti psikosoċjali u avukati soċjali biex jingħaqdu flimkien, u pprovdew pjattaforma għall-qsim ta’ prattiċi tajbin, kif ukoll ħolqu sinerġiji bejn il-football u s-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u l-Impjiegi, Byron Camilleri, introduċa l-avveniment, qabel ma ġie indirizzat ukoll mill-Viċi President Anzjan tal-Malta FA, Matthew Paris, kif ukoll mill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-VSA Brian Farrugia.
“Dak li beda bħala konverżazzjoni f’uffiċċju kiber fit-tieni edizzjoni tal-Konvenzjoni ‘Stop the Hate’. Din mhix biss diskussjoni, iżda l-qofol ta’ inizjattivi matul l-istaġun kollu li jindirizzaw problema soċjali reali ħafna: id-diskors ta’ mibegħda,” irrimarka Dr Paris.
“Il-Malta FA qed terġa’ tuża l-pjattaforma tagħha biex xxerred messaġġ ta’ tama pożittiva,” żied jgħid.

s-Sur Farrugia enfasizza li l-football huwa l-logħba tad-dinja u li meta l-mibegħda ssib leħen fiha, nitilfu lkoll.
“Lingwaġġ u ġesti relatati mal-mibegħda, kemm jekk fil-ground, fid-dressing rooms, fl-istands, jew online, żgur jikkawżaw uġigħ u effetti trawmatiċi fit-tul fuq individwi u komunitajiet,” huwa qal. Is-Sur Farrugia żied jgħid li l-kollaborazzjoni bejn il-VSA u l-Malta FA tirrifletti impenn kondiviż biex jiġi żgurat li l-football jibqa’ ambjent sigur u akkoljenti għal kulħadd, u b’hekk issaħħaħ il-messaġġ li d-diskors ta’ mibegħda m’għandux post fil-logħba.
Il-VSA tkompli taqdi rwol ċentrali fl-indirizzar tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda permezz tal-kampanja preventiva tagħha u servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi aċċessibbli b’xejn li jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni, appoġġ emozzjonali, u pariri legali fost oħrajn. Il-116 006 jibqa’ s-sors ewlieni tagħha għal kwalunkwe individwu li kien suġġett għal reat u bħala aġenzija, il-VSA fdat lill-clubs tal-football biex jinkoraġġixxu lill-players u lill-ġenituri biex ifittxu għajnuna u appoġġ kull meta jkun hemm bżonn.
Kemm il-VSA kif ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Sportivi esprimew l-apprezzament tagħhom għall-kollaborazzjoni kondiviża u l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett, li se jirriżulta f’rispons imtejjeb għal inċidenti ta’ mibegħda, tisħiħ tas-sistemi ta’ appoġġ għall-vittmi, u promozzjoni tal-edukazzjoni biex jiġu miġġielda n-narrattivi ta’ ħsara u d-diskriminazzjoni fil-komunitajiet kollha.
Darren Lewis, President tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Sportivi tar-Renju Unit indirizza l-konvenzjoni. Is-Sur Lewis huwa ġurnalist b’esperjenza u rebbieħ ta’ bosta premji, u ilu impenjat li jiftaħ mogħdijiet u opportunitajiet għall-ġurnalisti għall-aħħar 20 sena. Huwa wkoll ikkampanja bla heda għal aktar opportunitajiet għad-diversità fir-rigward tal-managers, ir-referees, u l-uffiċjali fil-football Ingliż.

Il-konvenzjoni inkludiet ukoll diskussjoni bejn il-panel li fiha ħadu sehem is-Sur Lewis, il-player ta’ Valletta FC Thaylor Aldama, il-player tan-Nisa ta’ Swieqi United, Patricia Araujo, u l-Viċi President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport, Paul Cachia, li matulha l-clubs setgħu jipparteċipaw f’diskussjoni interessanti dwar kwistjonijiet ta’ mibegħda fil-football,kemm fil-ground kif ukoll barra minnu.
